Monday, December 23, 2024

Riċerka turi li m’hemmx lok ta’ allarm minkejja aktar minn 40 terremot reġistrati

Prof. Pauline Galea dwar it-terremoti reġistrati fl-aħħar jiem

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Matul dawn l-aħħar jiem il-ġżejjer Maltin kienu milqutin minn sensiela ta’ terremoti li varjaw anke fil-kejl tagħhom. Dan wassal għal reazzjoni mħallta ta’ persuni li esprimew il-ħsibijiet tagħhom rigward kemm hu normali li jseħħ dan iċ-ċaqliq jew jekk dawn it-terremoti jistgħux ikunu bħal twissija għal xi ħaġa ferm ikbar li tista’ tkun ta’ periklu għall-poplu Malti u Għawdxi. 

Talk.mt tkellem ma’ Prof. Pauline Galea mid-Dipartiment tal-Geoxjenza fl-Università ta’ Malta dwar dan iċ-ċaqliq.

Galea spjegat ma’ dan is-sit li għalkemm xejn ma jista’ jiġi eskluż, minkejja sensiela ta’ terremoti li matul il-ġurnata tal-Erbgħa qabżu t-30 wieħed, studji u riċerka li saret fil-passat juru li dan huwa proċess normali viċin il-gżejjer Maltin. Sostniet li importanti ħafna li nifhmu li kull reġjun għandu l-ġeoloġija tiegħu kif jiżviluppa u jiċċaqlaq.

Rigward dawk li jippruvaw jirkbu fuq aħbarijiet bħal dawn biex jisirqu l-attenzjoni u anke forsi jallarmaw persuni oħra bla bżonn, Galea qalitilna li minkejja li sal-lum il-ġurnata mhumiex f’pożizzjoni li jipprevedu rigward terremoti ikbar minn dawk reġistrati, tajjeb li l-pubbliku jifhem il-bażiku ta’ kif jitkejjel terremot. Kompliet biex tgħid magħna li minbarra s-saħħa tat-terremot għandek fattur importanti ħafna ta’ kemm l-epiċentru  ikun viċin jew bogħod mill-Gżejjer Maltin. Ikkonfermat li minkejja li kien hemm min ħass xi terremoti minn dawk reġistrati, jew it-theżżiżiet tagħhom, bħala distanza dan kien madwar 120 Kilometru barra mill-Kosta, u għalhekk iċ-ċans li jagħmlu l-ħsara kien minimu.

“Ma nistgħu neskludu xejn però r-riċerka turi li terremoti simili huma xi ħaġa tipika tar-reġjun”

Pauline Galea

“Ġieli kellna terremoti li setgħu kienu iktar perikolużi anke minħabba li seħħew ferm iżjed viċin f’distanzi ta’ inqas minn 20 Kilometru bogħod. Jekk inħarsu lura lejn artikli f’gazzetti tas-seklu 19 insibu referenzi għal episodji li kienu jissejħu  bħala “żmien it-terremoti” u dan huwa parti mir-riċerka li tkompli ssaħħaħ l-istudju tagħna u li tikkonferma li dak li qiegħed iseħħ huwa xi ħaġa li ġrat kemm-il darba fil-passat u biex ngħidu hekk hija xi ħaġa tipika fir-reġjun tagħna”, żiedet tispjega Galea.

Tenniet li minkejja li d-dipartiment kompla jżid fl-istrumenti, filwaqt ma tarax lok ta’ allarm, s’issa m’aħniex fi stadju li nipprevedu x’se jiġri u jekk hemmx lok li l-gżejjer jintlaqtu minn terremot fuq skala ikbar. Madanakollu matul il-jum tal-Ħamis it-terremoti reġistrati kienu madwar 12 u sal-bieraħ filgħodu kollox kien jindika li s-sitwazzjoni kienet qiegħda tikkalma. Temmet tiċċara li d-Dipartiment imexxi l-Malta Seismic Network,  jikkonsisti fi tmien strumenti madwar il-gżejjer Maltin, li permezz tagħhom jista’ jkejjel  terremoti żgħar ħafna, anke sa 1.0  fuq l-iskala richter għal oħrajn moderati li jitilgħu sa 5.0 assoċjati l-iżjed ma’ dawk li jikkawżaw theżżiżiet li jinħassu minn diversi lokalitajiet madwar il-gżejjer Maltin. Min-naħa l-oħra meta nitkellmu fuq terremoti kbar inkunu qegħdin nitrattaw fuq terremoti fuq skala ferm ikbar li jaqbżu is-7.0. Dawn jistgħu iseħħu fil-Mediterran, pereżempju fi Sqallija jew fil-Greċja, u xorta jistgħu jkunu ta’ periklu għal Malta.

Ekonomija

Sport