Riċerkaturi mid-Dipartiment tal-Komunikazzjoni u l-Inġinerija Kompjuterizzata fil-Fakultà tal-ICT tal-Università ta’ Malta u Ascent Software Ltd, laħqu b’suċċess tragward fis-settur tal-ICT, bil-proġett DEEP-FIR, li joffri titjib tal-kwalità tal-immaġini tal-wiċċ miġbuda minn kameras tas-CCTV fil-ġlieda kontra l-kriminalità.
Il-proġett iffinanzjat minn FUSION, il-Programm Nazzjonali ta’ Finanzjament tar-Riċerka u l-Innovazzjoni, amministrat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija l-MCST, irċieva madwar €185,000 f’fondi pubbliċi. Ir-riżultati tal-proġett tħabbru waqt avveniment pubbliku fis-sala tal-Esplora Planetarium, fil-Kalkara.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti indirizza lill-istakeholders u lill-pubbliku waqt din l-attività, fejn tkellem dwar l-importanza li jintużaw teknoloġiji ġodda bħall-Intelliġenza Artifiċjali għall-ġid tal-pubbliku.
“Kull sena, Malta qed iżżid il-kontribut tagħha lejn ir-riċerka u l-innovazzjoni. Illum, diġà qed naraw ir-riżultati ta’ kif l-R&I jistgħu jgħinu diversi setturi f’pajjiżna biex jikbru u jespandu l-operat tagħhom. Il-proġett DEEP-FIR jiffoka fuq is-sigurtà taċ-ċittadini tagħna. M’hemmx għalfejn ngħidu li s-sigurtà hija waħda mill-problemi ewlenin li għandhom fuq moħħhom in-nies. Dan il-proġett se jgħin biex jiġu solvuti reati kriminali iżda wkoll jipprevjeni milli jseħħu.”
Is-segretarju parlamentari rringrazzja lir-riċerkaturi lokali involuti f’dan il-proġett bit-tama li ċ-ċittadini lokali jkunu jistgħu jagħmlu użu minnu fil-futur.
Waqt l-attività tkellem ukoll iċ-Chairman tal-MCST, Dr Tonio Portughese, li qal li, “Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, se jkompli jistinka, iżomm u jtejjeb l-irwol importanti tiegħu billi jesplora inċentivi u miżuri fl-oqsma tar-Riċerka u l-Innovazzjoni, bħal fil-proġett DEEP-FIR. Dan isir billi jkun ta’ sostenn u jipprovdi l-pjattaforma li biha jiġu ffurmati kollaborazzjonijiet ġodda.”
Huwa żied jgħid li l-MCST saret rikonoxxuta u apprezzata bħala katalista li, permezz tal-finanzjament u tal-involviment attiv tagħha ta’ kuljum, qed tgħaqqad l-istituzzjonijiet akkademiċi u tar-riċerka mas-settur privat. Dawn jaqsmu t-tagħrif u jikkumplimentaw lil xulxin sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħhom.
Il-Prof. John Abela, Investigatur Prinċipali tal-proġett qal, “Is-super-riżoluzzjoni tal-immaġini tgħolli l-kwalità tad-data viżiva tagħna u tippermetti dettall u preċiżjoni akbar għal oqsma kritiċi bħad-djanjosi medika, is-sorveljanza, il-forensika diġitali, u r-riċerka xjentifika. Huwa l-pont tagħna bejn il-limitazzjoni tat-teknoloġiji tagħna u l-potenzjal vast ta’ viżjoni b’riżoluzzjoni għolja li trawwem għarfien aktar ċar u teħid ta’ deċiżjonijiet infurmati.”
Matul dawn l-aħħar seba’ snin, l-MCST amministra madwar €20 miljun f’fondi pubbliċi biex imexxi ’l quddiem proġetti innovattivi bħal Deep-FIR, permezz tal-programm ta’ finanzjament nazzjonali FUSION. Kull proġett li jibbenefika mill-programmi ta’ finanzjament FUSION jinfirex fuq perjodu ta’ tliet snin u jista’ jirċievi sa massimu €295,000 biex jiffinanzja r-riċerka tiegħu.