Mhu l-ebda sigriet li d-dinja tat-teknoloġija tal-informatika qed toffri opportunitajiet kreattivi u dinamiċi ta’ xogħol għal kulħadd. Minkejja dan, għad hemm diskrepanza qawwija bejn sehem in-nisa u l-irġiel f’din l-industrija minħabba diversi raġunijiet, bħal nuqqas ta’ opportunitajiet edukattivi u xi impressjonijiet li ċertu karrieri huma għal ġeneru wieħed biss.
Din hija sfida li l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali, l-MDIA, ħasbet biex tiġġieled bil-kampanja Girls In ICT. Hawnhekk, diversi nisa bi stejjer ta’ suċċess f’dan il-qasam irrakkontaw l-esperjenzi tagħhom lil mijiet ta’ studenti ta’ bejn il-11 u t-12-il sena li jinsabu fuq l-għatba tad-deċiżjoni tas-suġġetti tagħhom. Deċiżjoni li ġġib magħha bosta sfidi, domandi u anke xi ftit pressjoni.
Dan kien ukoll parti mit-traġitt ta’ Dr Ingrid Galea, lettura fid-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali fl-Università ta’ Malta, li saħqet li l-ewwel turija tal-imħabba lejn ix-xjenza f’ħajjitha bdiet b’ammirazzjoni kbira għall-matematika. “Kelli x-xorti wkoll li nilħaq ħafna żviluppi mgħaġġlin fit-teknoloġija jien u nikber, anke fejn jidħlu proġetti li kellna nagħmlu għall-iskola. Dan kien iż-żmien li bdejna nagħmlu proġetti għall-iskola bil-WordArt minflok bl-idejn. Inzertajt ukoll kont mal-ewwel grupp ta’ studenti li ġew offruti l-Computer Studies bħala suġġett fis-sekondarja”.
Hawn spjegat li l-ewwel deċiżjoni li ħadet dwar suġġett ma kinitx neċessarjament id-deċiżjoni ‘korretta’. “Dak iż-żmien kont għażilt ix-xjenzi, iżda kienet baqgħet tberren f’moħħi l-kwistjoni tal-Computer Studies u kif b’dan tista’ toħloq programm li bih tagħmel li trid. Affaxxinani ħafna u sena wara bdejt nistudja s-suġġett fil-privat”.
Eventwalment, Ingrid kompliet l-istudji tagħha anke barra minn Malta u daqet għall-ewwel darba n-niċċa li fiha hi riedet tispeċjalizza r-riċerka tagħha. “Waqt li kont qed nistudja għall-Masters u għad-Dottorat missejt ma’ kif it-teknoloġija kapaċi ssolvi problemi anke fil-qasam tas-saħħa, u dik kienet xi ħaġa li verament urietni kemm it-teknoloġija tista’ tagħmel ġid lis-soċjetà. Hemmhekk iddeċidejt li rrid nibqa’ naħdem f’dan il-qasam”.
Anke bħala lettura fl-Università, ir-riċerka tagħha baqgħet dwar l-użu tal-intelliġenza artifiċjali f’aspetti differenti tal-qasam tas-saħħa. “Issa l-proġetti huma aktar wiesgħa. Lill-istudenti tal-ewwel sena ngħallimhom il-matematika, li fuqha mibnija l-intelliġenza artifiċjali u ngħallem anke r-robotika. Dawn l-istudenti qed nippreparawhom biex ikunu riċerkaturi tajbin li kapaċi jaħdmu f’tim”.
Meta ġiet mistoqsiha dwar xi sfidi affaċċjat hi u tibni l-karriera tagħha, Ingrid spjegat li dawn bdew meta kienet għadha qed tikber. “Trabbejt bil-mentalità li hemm ġugarelli għas-subien u oħrajn għall-bniet. Inzertajt aktar miġbuda lejn ġugarelli tas-subien bħall-karozzi tal-elettriku jew xi robot, u allura hekk nemmen li qed nagħtu l-impressjoni li t-teknoloġija mhix għall-bniet. Huwa messaġġ sottili imma persistenti. Bl-għażliet li għamilt l-iskola kont nispiċċa f’minoranza wkoll, li ġġib magħha ċertu pressjoni li tħossok li ma tistax tiżbalja għax għajnejn kulħadd qegħdin fuqek. Illum fid-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali qegħdin tliet nisa letturi, u erbgħa fil-fakultà kollha”.
Hawnhekk ikkummentat ukoll fuq l-isforzi tal-fakultà biex aktar persuni, minkejja l-ġeneru tagħhom, jersqu lejn dan is-suġġett, permezz ta’ programmi apposta fl-iskejjel, simili għall-kampanja Girls In ICT tal-MDIA.
L-isfida għal Ingrid illum hija biex jinstab bilanċ bejn xogħolha u l-familja li qed trabbi ma’ żewġha. “L-istess sfida jħossha hu wkoll għaliex jagħti sehem fil-familja daqskemm nagħti jien. L-isfida hi għax jien ġenitur, aktar milli għax jiena mara”.
Hawnhekk ġie diskuss ukoll kif l-industrija tat-teknoloġija tal-informatika tista’ tkun aktar inklussiva. Ingrid spjegat li anke fis-sistema edukattiva qed isir avvanz. “Il-kors tal-università jinħass li qed jadatta għas-sehem tan-nisa. Dejjem ikollna numru sabiħ ta’ tfajliet fil-kors tal-Intelliġenza Artifiċjali, saħansitra ġieli jkollna tfajliet daqskemm ikollna ġuvintur. Nemmen però li x-xogħol jista’ jkun aktar flessibbli u ma jżommx biss ċertu ħinijiet stretti, li jkun ta’ benefiċċju għal kulħadd u mhux lin-nisa biss”.
Naturalment kellha pariri siewja mmens għal tfajliet imħajra jidħlu fid-dinja tat-teknoloġija, u tkellmet fuq il-vantaġġ li persuna jkollha meta tkun kapaċi tadatta għall-bidla, fost oħrajn. “Min qed jikkunsidra jidħol f’din id-dinja nħeġġu wkoll biex iżomm ir-rieda li jibqa’ jitgħallem, li jżomm il-ħsieb kritiku tiegħu u jkun kapaċi janalizza u jkollu ċertu persistenza. Eh, u magna tal-kafè wkoll!”
Din l-intervista qiegħda tiġi mwassla mill-MDIA bħala parti mill-kampanja Women in ICT.