Sunday, November 24, 2024

RIEDA LI SSIR ĠUSTIZZJA U MINGĦAJR TKAXKIR TAS-SAQAJN

Aqra wkoll

Is-sitwazzjoni dwar l-inkjesta JeanPaul Sofia kellha żvolta oħra matul il-ġurnata tal-bieraħ. Wara li l-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, li qiegħda tmexxi l-inkjesta Maġisterjali, talbet għal-estensjoni oħra biex tlesti r-rapport tagħha, dlonk kien hemm reazzjonijiet imħallta ta’ delużjoni u rabja.

Din l-istess deċiżjoni tal-Maġistrat wasslet ukoll biex jitlaqqa’ b’urġenża l-grupp Parlamentari Laburista fis-sigħat ta’ wara nofsinhar biex tiġi diskussa din is-sitwazzjoni delikata. Ma setax jonqos li fil-midja bdew jiċċirkolaw diversi kummenti u spekulazzjonijiet rigward id-deċiżjoni li kien tkellem dwarha f’intervista li kellu l-Prim Ministru l-ġimgħa l-oħra fejn filwaqt li spjega dwar is-saħħa bejn it-tipi ta’ inkjesti, sostna li dik Maġisterjali kellha s-snien biex twassal għall-ġustizzja mal-familja ta’ JeanPaul Sofia u dawk kollha li tilfu ħajjithom fuq il-post tax-xogħol.

Il-Prim Ministru għal darba oħra ma naqasx li jitkellem fil-pubbliku u għalhekk nemmnu li s-sejħa għal konferenza tal-aħbarijiet kienet waħda f’waqtha fejn anke s-segwaċi ta’ din l-istess konferenza kienu jikkonfermaw l-għatx għad-deċiżjoni tiegħu bħala mexxej tal-pajjiż u mhux bħala mexxej tal-partit. Kien l-istess Robert Abela li għamilha ċara f’dan ir-rigward u rrimarka li ma kinitx faċli għalih biex isib il-bilanċ f’din is-sitwazzjoni bejn l-irwol tiegħu bħala Prim Ministru u l-emozzjonijiet tiegħu bħala missier.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-Prim Ministru baqa’ jżomm mal-pożizzjoni tiegħu dwar l-importanza tat-tlestija tal-inkjesta Maġisterjali sabiex jekk hemm min jinstab li hu responsabbli għall-akkadut jitressaq quddiem il-Qorti biex iwieġeb u din tkun tista’ tiddeċiedi s-sanzjoni rispettiva.

Għalhekk naqblu mal-Prim Ministru li filwaqt li żamm ma’ din il-pożizzjoni, ikkundanna dak li hu rrefera għalih bħala tkaxkir tas-saqajn biex jitlesta dan il-proċess. Kien għalhekk li huwa ħass li kellu jaġixxi skont is-sejħa tal-poplu inġenerali biex jingħata serħan il-moħħ u tkun magħrufa l-verità sħiħa.

Nemmnu wkoll li kien ċar fejn tidħol il-wegħda tiegħu li jimxi l-vjaġġ tal-ġustizzja mal-ġenituri ta’ JeanPaul Sofia u kien għalhekk li ma ssugrax li jħalli l-estensjoni mill-ġdid terġa’ tirrepeti ruħha hekk kif din l-inkjesta pubblika maħtura mistennija tiġi konkluża waqt li għaddejja l-istess inkjesta Maġisterjali li skont il-liġi m’għandha l-ebda obbligu li titlesta ma’ din l-estensjoni ladarba jkun hemm raġuni valida mressqa mill-Maġistrat inkwerenti.

Nemmnu wkoll li l-persuni magħżulin biex imexxu l-bord ta’ din l-inkjesta pubblika għandhom il-fiduċja taż-żewġ naħat anke wara li fl-aħħar xhur kien hemm diskussjoni fuq il-kompożizzjoni ta’ dan il-bord jekk kemm-il darba ssir l-inkjesta pubblika.

Inħarsu ’l quddiem li din l-inkjesta, li se tkun waħda mill-iktar trasparenti billi se tkun miftuħa għall-pubbliku, jirnexxielha tagħmel xogħolha fiż-żmien indikat li hu stmat li jieħu max-xahrejn, iżda li fl-istess waqt tasal fi tmiemha wkoll l-inkjesta Maġisterjali biex jekk hemm min hu responsabbli jitressaq quddiem il-Qorti u mhux biss jiġi sanzjonat iżda jservu ta’ deterrent sabiex inċidenti oħra simili ma jirrepetux ruħhom għax kull ħajja fuq il-post tax-xogħol għandha importanza ugwali.

Sport