Saturday, December 14, 2024

Riesaq lejn tmiemu x-xogħol ta’ restawr fuq il-Knisja Parrokkjali l-Qadima tas-Salvatur f’Ħal Lija

Aqra wkoll

Dan ix-xahar għandu jitlesta l-proġett ta’ restawr li qed isir fuq il-Knisja Parrokkjali l-Qadima tas-Salvatur f’Ħal Lija. Dan il-proġett huwa wieħed minn numru ta’ proġetti magħżula taħt l-Iskema tal-Kunsilli Lokali u kien ġie propost mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija.

Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici enfasizza l-importanza tar-restawr ta’ dan il-wirt storiku. Huwa sostna kif l-għan ewlieni ta’ dan ir-restawr huwa li jippreserva u jipproteġi l-wirt patrimonjali importanti u imprezzabbli tal-lokalità.

“Din l-inizjattiva hija parti minn sforzi usa’ biex jinżamm u jiġi promoss il-wirt kulturali ta’ Malta, billi jiġu restawrati binjiet u strutturi ta’ valur storiku, inkluż dawk reliġjużi, biex ikunu jistgħu jitgawdew minn ġenerazzjonijiet futuri,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Il-Knisja l-Qadima tas-Salvatur kienet tintuża bħala l-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Lija għal madwar seklu, mill-aħħar tas-seklu sittax sal-aħħar tas-seklu sbatax. Il-koppla ta’ din il-Knisja kienet inbniet merfugħa ’l fuq mis-saqaf biex b’hekk, għall-ewwel darba fl-istorja tal-arkitettura Maltija, setgħu jitqiegħdu twieqi  taħt il-koppla biex idawwlu l-knisja. 

Ix-xogħol kollu, mid-dokumentazzjoni tas-sit, l-applikazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar sax-xogħolijiet tar-restawr qed isiru kollha mid-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni.

Jakkumpanjaw lill-Ministru Bonnici kien hemm is-Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija Anthony Dalli u membri tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija, u l-Perit Norbert Gatt u l-Perit Mark Azzopardi mid-Dipartiment tar-Restawr u Preservazzjoni.

Ekonomija

Sport