Saturday, November 23, 2024

“Riforma ambjentali li se twassal għal aktar proġetti ambjentali fil-lokalitajiet”

Aqra wkoll

Riforma ambjentali fid-Development Planning Fund (DPF) se twassal għall-iżvilupp ta’ aktar proġetti ambjentali fil-lokalitajiet tagħna, saħaq il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia.

Wara proċess ta’ konsultazzjoni, il-Ministru ħabbar numru ta’ bidliet f’dan il-fond bl-għan li jiġi nkoraġġut l-iżvilupp ta’ proġetti ambjentali u ta’ fejda mill-Kunsilli Lokali, għaqdiet non-Governattivi u għaqdiet terzi.

Għall-ewwel darba, proġetti ambjentali fuq l-art u fil-baħar f’żoni urbani ser ikunu eliġibbli għal finanzjament ta’ 100%, minflok li l-Kunsill Lokali jrid joħroġ 30% mill-ħlas tal-proġett.

Bidla oħra hi li benefiċjarju jagħmel xogħol ta’ ħitan vertikali ħodor li jħarsu fuq spazji pubbliċi, l-iskema se tkoprilu ukoll parti mill-ispejjeż tal-manutenzjoni – total ta’ 105% tal-fondi. 

Għall-ewwel darba l-Kunsilli Lokali se jkollhom is-sigurtà tal-allokazzjoni finanzjarja għall-progett taghhom. 

Ghall-ewwel darba ukoll, NGOs u benefiċjarji oħrajn li m’humiex Kunsilli Lokali se jkollhom 20% tal-fondi kollha fl-iskema allokati direttament għalihom. 

Il-persentaġġ ta’ finanzjament ser ikun qed jiżdied oltre mill-arranġamenti kurrenti f’każi li jkun hemm partnerships. 

Minn aspett soċjali, il-finanzjament għal proġett immirati għal persuni b’diżabbiltà se jiżdied b’10%. 

Kull Kunsill Lokali ser jiżdiedlu l-limitu massimu minn €5 miljuni għal €7 miljuni sabiex itaffi l-effetti tal-iżvilupp urban f’dawn il-lokalitajiet u jippromwovi l-iżvilupp ta’ infrastruttura ambjentali. 

Apparti minn hekk, l-inizjattiva “Sebbaħ il-Lokal” ser tiġi estiża minn April 2020 għal December 2022.

“Dawn il-bidliet huma parti minn reviżjoni ħolistika fil-kunċett ta’ ppjanar – il-bidla lejn ippjanar intelliġenti u viżjoni aktar ambjentali għal-lokalitajiet tagħna” saħaq Farrugia.

Avukata u ambjentalista Claire Bonello faħħret din l-inizjattiva u qalet li dawn il-bidliet se jsolvu l-problema ta’ proġetti ambjentali żgħar iżda tajbin li ma jkunux jistgħu isiru minħabba nuqqas ta’ fondi. “Dan hu pass pożittiv ħafna,” stqarret Bonnello. 

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali Mario Fava laqa’ b’mod tajjeb ħafna din l-aħbar għax ukoll qal li kunsilli lokali kienu qed isibu diffikultà minħabba l-ko finanzjament. 

Sport