L-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Protezzjoni kontra Konsegwenzi Negattivi għal Persuni li Fiequ minn Mard Onkoloġiku (Dritt li Tintesa) għandu għan nobbli warajh. Dan billi se jagħmel differenza fil-ħajjiet ta’ mijiet u eluf ta’ persuni u l-approċċ tagħhom għan-neċessitajiet bażiċi fil-ħajja tagħhom.
Dan qalu l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela f’diskors li għamel fil-Parlament waqt li nhar l-Erbgħa beda jiġi diskuss dan l-Abbozz li kien tressaq mid-Deputata Laburista Amanda Spiteri Grech.
Il-Ministru Abela qal li dan l-abbozz jirrigwardja assigurazzjoni ta’ kull tip, impjiegi u ftehim finanzjarju jew mhux. Qal li dawn huma kwistjonijiet li din il-liġi qiegħda tindirizza wara li jkun ingħata t-trattament tal-kanċer fejn il-kura li qed tingħata f’Malta u Għawdex hi l-għira ta’ pajjiżi iżgħar u akbar minn tagħna.
L-Abbozz qed jipproponi li jitneħħa l-obbligu li persuna tirrapporta storja ta’ kanċer lill-istituzzjonijiet finanzjarji u assigurazzjoni wara perjodu stabbilit; il-perjodu allinjat mal-Ewropa; 10 snin għal adulti u ħames snin għal min kellu kanċer taħt l-età ta’ 21 sena.
“Għadna fil-fażi ta’ diskussjoni. Naqbel ma’ dan l-Abbozz. Però huwa importanti li nkunu ċari x’qed nifhmu meta ngħidu li t-trattament ġie finalizzat,” tenna l-Ministru Abela.
Huwa qal ukoll li qed ikun suġġerit li jkun hemm Bord ta’ Reviżjoni kompost minn tliet membri li għandhom jiġu maħtura mill-Ministru inkarigat mis-Saħħa. “Dan il-Bord irid jiddeċiedi meta spiċċa t-trattament u meta se jgħaddu dawn l-10 snin. Għandu funzjoni importanti.”
Il-Ministru Abela esprima l-konvinzjoni tiegħu dwar il-professjonisti u t-teknoloġija li għandna f’pajjiżna biex inkomplu nikkumbattu din il-marda. “Konvint li avolja pajjiż żgħir u suq żgħir għal mediċini innovattivi, se nagħmlu dak kollu li nistgħu biex inkomplu nattiraw aktar mediċini bħal dawn f’pajjiżna.”
F’dan l-isfond, huwa tenna li jkun xieraq li nagħmlu kif għamlu pajjiżi oħra u ndaħħlu dan id-dritt fil-liġi, illi meta jgħaddi żmien biżżejjed mid-dijanjosi u t-trattament tal-marda tal-kanċer, l-individwu jkollu dritt li meta jidħol f’xi tip ta’ ftehim jew kuntratt, jew għal xi interview, l-istorja medika ta’ dak l-individwu għandha tintesa.
Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri kompla ma’ dak li qal il-Ministru tas-Saħħa u rringrazzja lil Dr Amanda Spiteri Grech għal din l-inizjattiva.
“Dan l-Abbozz jagħmel ħafna sens meta wieħed jara s-suċċessi f’pajjiżna fl-onkoloġija. Suċċessi b’investiment fl-infrastruttura, iċ-Ċentru tal-Onkoloġija f’Mater Dei, ir-riżors uman ta’ speċjalizzazzjoni, l-ispeċjalisti tagħna u l-professjonisti kollha f’dan il-qasam,” tenna Spiteri.
Huwa żied jgħid li dan l-Abbozz qed jipproteġi lil dawk il-persuni li kellhom storja ta’ mard tal-kanċer u llum imfejqa. Dan filwaqt li se jkun qed ineħħi l-istigma minn fuq dawn il-persuni meta jkunu fuq il-post tax-xogħol, meta japplikaw għal xi promozzjoni fuq ix-xogħol jew meta japplikaw għal assigurazzjoni biex jieħdu loan mill-bank jew biex jagħmlu life insurance.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul tenna li bħala Deputati għandhom id-dmir li jipproteġu d-dinjità ta’ kull persuna. “Għandna l-opportunità li ngħidu li l-passat mediku ta’ persuna daqshekk se jibqa’ jkun ostaklu permanenti għal opportunitajiet tal-futur.”
“Qed ngħidu li ladarba esperti mediċi jgħidu li l-pazjenti huma mfejqa u m’hemmx aktar ħtieġa ta’ kura, dan għandu jkun rifless fl-assessjar tas-servizz finanzjarju. Irridu naraw li dawn il-persuni jingħataw dawn id-drittijiet u jaslu għall-ħolm tagħhom. Din hi sitwazzjoni li qed jaffaċċjaw dawn il-persuni minkejja li s-settur mediku għamel titjib u progress kbir f’dan il-qasam,” qal is-Segretarju Parlamentari Ellul.
Huwa temm jirringrazzja lid-Deputata Laburista Amanda Spiteri Grech li mexxiet ’il quddiem din il-materja u tenna li jinsab kburi li jifforma parti minn Gvern li jagħmel riformi maħsubin għal dawk li tassew ikollhom bżonn.

