Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Prim Ministru flimkien mal-Ministru Dr Jonathan Attard u l-Ministru Dr Michael Falzon nedew l-ewwel fażi tar-riforma tal-Qorti tal-Familja bi prinċipji importanti favur l-aħjar interess tat-tfal, ġustizzja ċċentrata fuq in-nies u effiċjenza u kwalità fis-sistema ġudizzjarja.
Din hija riforma mibnija fuq konsultazzjoni wiesgħa u mifruxa hekk kif f’April 2024 il-gvern iltaqa’, sema’ u wieżen x’kellhom xi jgħidu n-nies f’laqgħa pubblika. Minn hemm kompla x-xogħol importanti li kien għaddej mill-grupp ta’ ħidma fuq ir-riforma u f’Settembru tnediet uffiċjalment konsultazzjoni pubblika. Saru diversi laqgħat, inkluż ma’ professjonisti fis-settur u pubbliku inġenerali.
B’kollox kien hemm aktar mas-70 sottomissjoni, liema sottimissjonijiet komplew isaħħu din ir-riforma tant mistennija wara 20 sena li saru l-aħħar interventi fuqha.
Ir-riforma tinkludi fost l-oħrajn Qorti tal-Familja awtonoma fejn il-Qorti mhux se tibqa’ sempliċiment sezzjoni fi ħdan il-Qorti Ċivili, iżda Qorti b’riżorsi speċjalizzati sabiex kwistjonijiet delikati tal-familja jiġu trattati b’urġenza u sensittività. Barra minn hekk issa hemm proċeduri aktar ċari u aktar spediti, biex il-familji ma jibqgħux jistennew snin għal deċiżjoni, għaliex ġustizzja li ddum wisq hija ġustizzja miċħuda.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard sostna li matul dawn is-snin iltaqa’ ma’ varji persuni li qassmu miegħu d-diffikultajiet li għaddew minnhom minħabba kwistjonijiet fil-familja. “Esperjenzi li wrew ċar li kellna niskattaw proċess ta’ Riforma fil-Qorti tal-Familja, proċess li jkun sensittiv, effiċjenti u uman. Illum qed inħabbru riforma li tpoġġi s-sistema kollha f’pożizzjoni li tagħti riżultati aħjar, aktar ġusti u aktar umani. Fiċ-ċentru tagħha hemm l-aħjar interess tat-tfal, mhux bil-kliem iżda bħala modus operandi li għandu jiggwida lill-ġudikatura, lill-professjonisti u lill-partijiet”
“Din ir-riforma tistabbilixxi bażi legali ċara għall-prinċipju ta’ coparenting, filwaqt li ssaħħaħ il-protezzjoni f’każijiet ta’ vjolenza domestika u manipulazzjoni. L-għan tagħna hu wieħed: ġustizzja li tasal fil-ħin, li tħares lill-familja u li tpoġġi lit-tfal fuq quddiem nett f’kull deċiżjoni”, temm jgħid il-Ministru Attard.

