Il-Parlament Malti ddiskuta abbozz ta’ liġi kruċjali, Abbozz Nru. 142, li jimmira li jsaħħaħ l-infurzar fiskali u jindirizza b’mod proporzjonat u ġust l-evażjoni tat-taxxa. Din il-leġiżlazzjoni ma tistax titqies biss bħala tibdil tekniku; hija dikjarazzjoni politika u morali li l-Istat Malti ma jaċċettax abbuż mis-sistema fiskali.
Il-proposta tintroduċi mekkaniżmu ta’ ftehim volontarju bejn individwi jew kumpaniji u l-awtoritajiet tat-taxxa, li jippermetti r-regolarizzazzjoni tal-pożizzjoni fiskali mingħajr ma wieħed ikollu jiffaċċja proċeduri kriminali, sakemm il-ksur ikun relatat direttament mal-evażjoni tat-taxxa. Dan il-mekkaniżmu jinkludi ħlas ta’ penali addizzjonali li jvarjaw minn €10,000 sa €1,000,000, u joffri estinzjoni tar-responsabbiltà kriminali f’ċirkostanzi speċifiċi.
Il-liġi tipproponi wkoll distinzjoni ċara bejn ksur u ksur konness, fejn dan tal-aħħar jirreferi għal atti kriminali li jsiru biex jiffaċilitaw jew jaħbu evażjoni fiskali, bħal falsifikazzjoni ta’ dokumenti jew ħasil tal-flus. Madankollu, reati serji bħall-korruzzjoni u t-tixħim jibqgħu barra minn dan il-mekkaniżmu u jridu jiġu trattati b’mod aktar sever.
Din ir-riforma tirrikonoxxi li f’ċerti każijiet, il-proċeduri kriminali wasslu għal konsegwenzi sproporzjonati, fejn individwi li diġà ħallsu dak kollu dovut, inkluż penali, xorta waħda baqgħu jkarkru snin quddiem il-Qrati. Il-mekkaniżmu l-ġdid joffri soluzzjoni strutturata u trasparenti, li tħares kemm l-interess pubbliku kif ukoll id-drittijiet tal-individwu.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, iddikjara: “Dan l-abbozz mhux dwar ħniena, huwa dwar effiċjenza u integrità għaliex jagħti s-setgħa lill-Kummissarju biex jirkupra fondi b’mod aktar effettiv, jinkoraġġixxi l-konformità volontarja, u jiskoraġġixxi l-abbuż b’penali ċari u infurzar legali.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana tenna li huwa fid-dover li jara li dak li għandu jinġabar, jiġi miġbur. “Dak li hu tal-Gvern qed niġru warajh. Dan kollu qed nagħmluh sabiex nassiguraw li kulħadd iħallas dak li hu dovut u biex kull min iħallas it-taxxa f’pajjiżna nkomplu nħarsu l-interessi tiegħu.”
Il-messaġġ huwa ċar, meta nsaħħu s-sistema fiskali, nsaħħu d-demokrazija. Din ir-riforma hija pass lejn ġustizzja effettiva, infurzar proporzjonat, u rkupru ta’ fondi pubbliċi li jistgħu jiġu investiti fil-futur tal-poplu Malti.
L-abbozz jinkludi dispożizzjonijiet tranżitorji li jindirizzaw każijiet pendenti, u jippromwovu ugwaljanza proċedurali skont prinċipji kostituzzjonali u internazzjonali. Dan jassigura li l-benefiċċji tal-liġi ma jkunux limitati għal każijiet futuri biss, iżda japplikaw ukoll għal dawk li għadhom pendenti.
Il-mekkaniżmu l-ġdid joffri triq realistika u responsabbli lejn il-konformità. Min jikkollabora u jħallas, jingħata opportunità ġusta; min jabbuża, jiffaċċja l-konsegwenzi kollha tal-liġi. Dan jikkontribwixxi għal sistema aktar bilanċjata fejn l-infurzar ikun proporzjonat u effettiv.
Il-ftehim li jista’ jintlaħaq mal-awtoritajiet tat-taxxa jinkludi mhux biss il-ħlas tat-taxxa dovuta, t-taxxa addizzjonali u l-interessi, iżda wkoll penali addizzjonali li jistgħu jiġu eżegwiti direttament mingħajr il-ħtieġa ta’ kawża ġdida fil-Qorti f’każ li persuna jonqos li jonora l-ftehim. Dan jagħti lill-Istat għodda effettiva biex jirkupra fondi mingħajr dewmien.
Barra minn hekk, il-liġi tipprovdi għal piena kriminali f’każ ta’ ksur frodulenti tal-ftehim, inkluż konfiska ta’ benefiċċji miksuba b’mod illegali. Dan juri li l-mekkaniżmu mhux biss jipprovdi ċans ġdid, iżda jżomm ukoll responsabbiltà serja għal min jabbuża minnu.
Il-liġi tistabilixxi wkoll skadenzi ċari u sospensjoni tal-preskrizzjoni waqt il-proċess ta’ ftehim, sabiex ma jkunx hemm min jipprova jtawwal in-negozjati b’mod abbużiv. Dan jikkontribwixxi għal proċess aktar trasparenti u ġust.
Fl-aħħar mill-aħħar, din ir-riforma hija espressjoni ta’ rieda politika li tħares l-interess pubbliku u tippromwovi sistema fiskali aktar ġusta u effettiva. Hija leġiżlazzjoni li tgħaqqad il-flessibbiltà amministrattiva mal-integrità legali, u li tħalli impatt pożittiv fuq il-ġustizzja u l-ekonomija tal-pajjiż.