Monday, July 28, 2025

Riforma ħolistika favur ippjanar sensibbli u responsabbli

Se jiżdiedu b’mod qawwi l-multi fuq l-abbuż

Aqra wkoll

L-Awtorità tal-Ippjanar qiegħda tressaq ’il quddiem riformi ħolistiċi li jagħtu saħħa bla preċedent kontra l-abbuż u paġna ġdida fil-qasam tal-ippjanar favur iktar sensibilità u responsabilità.

Dan ħabbru l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, waqt laqgħa mal-ġurnalisti li matulha saret ukoll preżentazzjoni dettaljata mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, Johann Buttigieg.

Il-Ministru Camilleri sostna li l-emendi jirriflettu r-realtajiet ġodda ta’ pajjiż li qed ikompli jagħmel suċċess u għalhekk irid jagħti prijorità dejjem ikbar lid-dixxiplina, ċarezza u ċertezza fl-ippjanar.

Spjega kif, matul diversi snin u taħt amministrazzjonijiet differenti, saru żbalji li kkawżaw anomaliji fl-iżvilupp u diffikultajiet fl-infurzar. Ħaddieħor ipprefera jħalli kollox taħt it-tapit bla ma jaqla’ kontroversji, iżda dan il-Gvern jemmen li wasal iż-żmien li jagħti drittijiet imsaħħa lin-nies, jikkontrolla l-irregolaritajiet tal-passat u jevita l-illegalitajiet tal-futur.

Għalhekk, fost ir-riformi li se jitwettqu hemm dik li, għall-ewwel darba f’pajjiżna, mhux se jkun iktar aċċettat li jibda xogħol ta’ kostruzzjoni jekk ikun daħal appell fuq il-permess approvat. Jiġifieri malli ċittadin jappella, se tidħol fis-seħħ sospensjoni awtomatika tal-permess għal 5 xhur, sakemm it-Tribunal tal-Awtorità jiddeċiedi fuq dak l-appell. Id-deċiżjoni tat-Tribunal tista’ wkoll tiġi appellata quddiem il-Qorti tal-Appell. F’dak il-każ, jiskatta żmien ġdid ta’ 5 xhur oħra fejn il-permess ta’ żvilupp ikun sospiż.

Dwar is-sitwazzjoni surreali ta’ eluf ta’ avviżi ta’ infurzar li akkumulaw matul snin twal u ħolqu diffikultajiet fis-sistema kollha tal-ippjanar, il-Ministru Camilleri qal li l-Gvern kellu għażla bejn l-istatus quo u soluzzjoni realistika li tagħti lil pajjiżna paġna ġdida.

Għalhekk, l-Awtorità tal-Ippjanar se tagħti opportunità ta’ darba biex kull min għamel xogħol mhux skont il-permess jew bla permess ikun obbligat li jersaq ’il quddiem u jħallas ta’ għemilu b’multi ħorox. Din l-iskema tapplika għal min bl-irregolarità tiegħu ma ħoloqx detriment għal ħaddieħor.

Il-Gvern qed jintrabat li l-flus li jidħlu minn din l-iskema se jmur għal fond li jiffinanzja proġetti ambjentali u pubbliċi fil-komunitajiet.

Ġie spjegat ukoll kif dawn il-bidliet se jġibu magħhom żieda drastika fil-multi kontra l-abbuż. Fil-fatt, il-multa ta’ kuljum fuq illegalità se tkun qed tiżdied minn massimu ta’ 50 ewro għal massimu ta’ 2,000 ewro. Dan huwa d-deterrent iebes li l-Gvern qed jintroduċi fuq l-abbuż ta’ ħafna snin.

Il-Ministru Camilleri qal li l-emendi proposti huma intiżi li jtejbu l-effiċjenza, biex il-pubbliku, f’dan il-każ kemm l-applikant kif ukoll l-appellant, ikollhom sistema iktar ġusta u moderna li tindirizza l-anomaliji preżenti u tagħti interpretazzjoni aktar ċara tal-proċeduri favur żvilupp sostenibbli u protezzjoni tal-ambjent.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li l-messaġġ issa huwa ċar. Pajjiżna jrid jiftaħ paġna ġdida fl-ippjanar li tagħfas fuq prattiċi tajba li jassigura sensibilità u responsabilità.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport