Sunday, July 27, 2025

RIFORMA ĦOLISTIKA FIL-LIĠI TAL-IPPJANAR

… li tassigura d-dixxiplina fil-proċess, iċ-ċarezza u ċ-ċertezza

Aqra wkoll

Ir-riforma li l-Gvern qed iressaq ’il quddiem fil-liġi tal-ippjanar hi waħda ħolistika u li se tassigura tliet prinċipji ewlenin: id-dixxiplina fil-proċess, iċ-ċarezza u ċ-ċertezza. 

Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela meta kien qed jiġi intervistat fuq ONE TV il-Ħadd filgħodu fejn kien mistoqsi dwar ir-riforma proposta fil-mod kif isiru l-appelli minn deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar kemm fuq livell ta’ Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar kif ukoll imbagħad quddiem il-Qorti tal-Appell fis-sede inferjuri tagħha.

Dr Abela beda biex stqarr li din hija riforma li tħabbret l-ewwel darba f’Jum il-Ħaddiem tal-2023. “Jekk hemm kritika x’tista ssir hi li ħadna ż-żmien tagħna. Tul id-diversi xhur meta kont mistoqsi mill-mezzi tal-midja għaliex għadni ma ħabbartx ir-riforma, dejjem weġibt li se nagħmlu riforma ħolistika li tindirizza aspetti differenti tal-ippjanar u partikolarment l-istadju tal-appell,” qal il-Prim Ministru. 

Sostna li meta nitkellmu dwar applikant ta’ permess, għandek firxa wiesgħa ta’ nies u l-maġġoranza assoluta ta’ applikanti huma nies li mhumiex żviluppaturi di professjoni. Imbagħad għandek il-pożizzjoni ta’ min joġġezzjona l-ħruġ ta’ dak il-permess.

Il-Prim Ministru kompla jinnota li l-liġi kif inhi llum ma tikkuntenta lil ħadd u jifhem liż-żewġ partijiet. Spjega l-ħtieġa ta’ din ir-riforma hekk kif minkejja li kien jaf li din ir-riforma kienet se tkun kontroversjali, xorta waħda ma setax jinjora r-realtajiet tan-nies.

“Se nkunu qed insaħħu l-qagħda ta’ min joġġezzjona għal ħruġ ta’ permess imma fl-istess waqt se nipproteġu l-familji milli jidħlu f’nassa meta jkunu innoċenti,” qal il-Prim Ministru. 

Spjega li sal-lum, min jinħariġlu permess, minkejja li hemm żewġ stadji t’appell, mill-għada jista’ jibda jibni. Mal-mument li din il-liġi l-ġdida tidħol fis-seħħ meta tinħareġ permess ta’ żvilupp u sakemm jinqata’ l-appell kollu dak li jkun mhux se jkun jista’ jibda jiżviluppa. 

“Din hi l-aktar miżura kruċjali li se taqleb ta’ taħt fuq il-proċess ta’ kif isir l-appell u għandha mis-sewwa. Wieħed irid joħloq sitwazzjoni fejn id-drittijiet taż-żewġ naħat fi proċedura ta’ proċess tal-ippjanar ikunu kawtelati.”

Dr Abela spjega wkoll li għal ċertu tip t’appelli, filwaqt li l-permess jibqa’ sospiż, irid jinqata’ f’ċertu żmien. Huwa esprima l-konvinzjoni tiegħu li din hija riforma pożittiva u li se tagħmel ġustizzja ma’ min joġġezzjona u mal-applikant. 

“Xogħolna huwa li mmorru fil-Parlament u naħdmu. Li mmorru u niddiskutu mal-istakeholders, mas-soċjetà b’mod wiesgħa u mhux bl-għaġġla,” qal il-Prim Ministru. 

Kien hemm min ukoll min semma għax se jkunu introdotti penali għal min jappella b’mod frivolu jew vessatorju, bil-Prim Ministru jgħid li din se tgħodd ukoll għal min ikun applika għal permess. “Jekk min japplika jappella meta jaf li m’għandux bażi biex jappella jew jagħmilha biex idejjaq lil ħaddieħor, hemm jista’ jkollu multa. Dik qed nagħmluha bħala miżura biex fejn hemm bażi fuqiex tappella, tappella. Imma fejn l-appell trid tagħmlu biss biex iddejjaq lil ħaddieħor, hemm ikollok deterrent milli tagħmlu.”

Filwaqt li nnota li din ma kinitx xi rebħa għall-iżviluppaturi għax fi kliemu l-maġġoranza kienu komdi bis-sistema kif kienet, il-Prim Ministru qal li jekk hemm rebbieħ f’dan kollu huwa min idaħħal l-oġġezzjoni. “Ridna li jkun hemm forma ta’ bilanċ fil-qafas leġiżlattiv li introduċejna u maġġorment dak il-qafas ilħaqnieh. Jekk hemm lok ta’ rfinar, lest li nisma’ mingħand in-nies.”

Sadanittant, il-Prim Ministru qal li mhu minnu xejn li r-rappreżentant tal-NGOs kien tneħħa mill-Planning Commission. Qal li r-rappreżentant tal-NGOs li joħroġ mil-liġi kien hemm, għadu hemm, u se jkun dak il-persuna li jagħżlu l-NGOs infushom.

Mistoqsi dwar dak li ġie rrapportat b’rabta mar-regolarizzazzjoni f’parti jew l-għoti tal-konċessjoni f’parti oħra. Il-Prim Ministru qal li madwar il-pajjiż għandna madwar 5,000 infrazzjoni tal-liġijiet tal-ippjanar. “Aħna ma nitilqux mill-punt tat-tluq li dawn kollha huma l-iżviluppaturi l-kbar.”

Spjega kif dawk li għandhom proprjetajiet li ilhom żviluppati minn qabel l-1994, li fihom hemm ksur ta’ liġi tal-ippjanar, se tkun qed tiġi estiża l-iskema tal-2016 għal dawk it-tip ta’ proprjetajiet, iżda hemm prezz biex wieħed jirregolarizza. 

Tkellem kif intant, proprjetajiet ta’ wara l-1994, mhux se jingħataw regolarizzazzjoni, iżda konċessjoni. Stqarr kif dan mhux permess, hekk kif ma jistax jerġa’ jiġi żviluppat, iżda ma jkunx jista’ jitwaqqa’. 

Dr Abela tenna jgħid li filwaqt li qed jingħata forma ta’ solljev lil madwar 5,000 familja li qegħdin f’din is-sitwazzjoni, dawk li jagħżlu li ma jużawx dan ir-rimedju se jkunu qed jiffaċċjaw azzjoni diretta, hekk kif il-linja hija ċara.

“Provajna nsibu dan il-bilanċ ġust u fl-istess waqt li s-soċjetà b’mod inġenerali tista’ tgħid li minn din is-sitwazzjoni rnexxielna noħorġu eżitu li jindirizza l-ġid komuni b’dawk il-miljuni li jiġu injettati fi proġetti ambjentali, ta’ fejda għas-soċjetà,” temm jgħid il-Prim Ministru. “Ir-realtajiet u l-isfidi tindirizzahom u minnhom toħroġ l-aqwa eżitu possibbli għal kulħadd.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport