“L-ebda pajjiż ma jista’ jsalva mingħajr l-agrikoltura”. Iddikjara dan il-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo waqt li ppreżenta White Paper li l-Gvern nieda biex titwettaq riforma ambizzjuża fil-qasam tar-raba’. Din ir-riforma qed issir bħala parti mill-Politika Nazzjonali għall-Agrikoltura sal-2028 u wkoll fid-dawl tal-fatt li l-pandemija u l-invażjoni tal-Ukrajna wrew aktar minn qabel l-importanza tas-sigurtà tal-provvista tal-ikel.
Huwa qal li din il-White Paper hija maħsuba biex issib bilanċ u fl-istess waqt tara li ssir ġustizzja mal-bdiewa. Fost l-affarijiet li qed jiġu proposti fil-White Paper hemm li titwaqqaf awtorità li tħares ir-raba’ privat u żżomm reġistru tal-art agrikola.
Il-Ministru qal li biex jintlaħaq bilanċ, il-Gvern qed jipproponi li art agrikola tibda tiġi stmata bħala art agrikola u mhux bil-prezz tas-suq, bħal art oħra kummerċjali u ddeskriva dan il-punt bħala, bażilari u maħsub biex iwitti t-triq ’il quddiem. Refalo kompla biex jgħid li l-kumpens dovut lil sid il-kera għandu jiġi stmat oġġettivament, jiġifieri skont dik l-art u indipendentement mill-kundizzjonijiet ta’ għelieqi oħra fil-madwar. Fid-dawl ta’ dan kollu huwa wiegħed li l-prezz tal-kirja tar-raba’ mhux se jkun qed jeċċedi l-1.5% tal-valutazzjoni tal-art.
Indirizzati inġustizzji fil-konfront tal-bdiewa
Il-Ministru qal li sal-lum kwalunkwe ftehim li jsir bejn l-inkwilin u l-kerrej, huwa null quddiem il-liġi, avolja jkun hemm kompromess. Huwa qal li issa dan il-ftehim se jiġi rikonoxxut.
Tkellem dwar l-inġustizzja li kienet qiegħda ssir fil-valutazzjoni tal-art fejn l-Imħallef li jiġi mitlub jiddeċiedi fuq dawn il-kawżi, minħabba li ma jkunx jifhem jiġġudika fuq stimi li jsiru minn Periti li kienu qegħdin ikejlu u jistmaw l-art skont l-opinjoni personali tagħhom.
Bħala parti mill-ħidma tal-Awtorità se tkun li jitħejjew regolamenti u linji gwida dwar il-valutazzjoni tar-raba’ sabiex ikun stabbilit prezz ġust li jkun marbut ma’ użu tar-raba’ għal skop tal-produzzjoni tal-ikel.
Rigward l-irziezet residenzjali, il-Ministru spjega li dawn se jkunu meqjusa bħal kirjiet ta’ qabel l-1995, allura japplika għalihom is-sussidju tal-kera skont l-aħħar emenda fil-liġi tal-kirjiet protetti.
Madwar 100 każ pendenti ta’ nuqqas ta’ qbil bejn is-sidien u l-bdiewa
Il-Ministru Refalo insista li l-emenda hija maħsuba li twaqqaf l-għadd ta’ każi kostituzzjonali li qed jinfetħu minn sidien bil-għan li bdiewa jiġu żgumbrati, minħabba li dawn qegħdin jisħqu li l-qbiela li qed jieħdu hija baxxa wisq ikkumparata maż-żminijiet li qegħdin ngħixu fihom. Hawnhekk huwa kkonferma li minn riċerka li għamel dwar dan huwa jinsab infurmat li hemm madwar 100 każ pendenti fejn qiegħed ikun hemm dan il-kunflitt li jwassal biex jinfetħu l-istess kawżi.
Skont il-proposta ppreżentata, is-sid se jkun jista’ jmur quddiem il-Bord dwar il-Kontroll tal-Kiri tar-Raba’ u jippreżenta rikors dwar kemm jaħseb li għandha togħla l-qbiela. Il-bidwi min-naħa tiegħu, ukoll ikun jista’ jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar il-valutazzjoni taż-żieda fil-prezz tal-istess art li jkun qiegħed jaħdem. Madanakollu, permezz tar-regolarizzazzjoni li se ssir, eventwalment se jkun l-Bord li jiddeċiedi dwar il-valur tal-art għall-użu agrikolu u dan skont diversi kriterji, inkluż iċ-ċirkostanzi tal-art, il-kundizzjonijietu il-mezzi tal-kerrej fost affarijiet oħra.
Distinzjoni skont l-istatus tal-bidwi
Proposta oħra fil-White Paper hija li tibda ssir distinzjoni bejn il-bdiewa attivi, dawk tal-passatemp u dawk li għadhom se jibdew f’dan is-settur. Permezz ta’ din il-miżura, il-gvern se jkun jista’ jħares aħjar il-ġestjoni tar-raba’ u jassigura li din tkun f’idejn “bdiewa ġenwini”. Dan se jkun jinkludi kategoriji differenti bbażati fuq il-valur tal-produzzjoni li joħroġ mill-għalqa jew mir-razzett fuq perjodu ta’ sena. Hawnhekk, l-istatus tal-bidwi u r-rabta mal-attivitàa fil-biedja se jkunu kriterji li jagħtu preferenza lil min jibbenefika mill-benefiċċji ta’ din ir-riforma. Dawn il-kriterji se jkunu jinkludu wkoll lil dawk ta’ età żgħira li qed jaspiraw li jidħlu f’dan is-settur.
Bdiewa ġenwini se jingħataw prijorità għall-art agrikola tal-gvern
Miżura oħra importanti hija dik tal-art agrikola tal-gvern, fejn għall-ewwel darba, l-awtorità se tibda eżerċizzju sabiex meta toħroġ sejħa għall-kirjiet tal-art agrikola tal-gvern, mhux biss tivvaluta l-prezz fuq il-kunċetti msemmija b’tali mod li jagħmel sens ekonomiku għall-biedja, iżda fl-istess waqt ikun żgurat li tingħata prominenza lill-bdiewa ġenwini abbażi ta’ numru ta’ kriterji. Dan se jwassal biex jieqfu l-abbużi fejn dawk li jifilħu l-aktar, anke għal skopijiet mhux agrikoli, jitfgħu offerti li l-bdiewa ma jkunux jagħmlu sens għalihom biex jaħdmu r-raba’ b’tali prezzijiet li jkunu jfissru telf qabel tibda l-ħidma ġenwina tagħhom.
Introduzzjoni ta’ taxxa fuq art agrikola li ma tintużax skont l-iskop tagħha
Fejn jidħlu miżuri relatati ma’ taxxi, il-White Paper tipproponi taxxa addizzjonali fuq art agrikola meħtieġa li tinħadem, meta din ma tkunx qiegħda tintuża għall-iskop ta’ attività agrikola.
Il-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo fakkar li żmien il-pandemija u anke l-Gwerra fl-Ukrajna komplew juru kemm il-pajjiż ma għandux jiddependi biss mill-importazzjoni imma għandu jassigura li jkun hemm biżżejjed produzzjoni tal-prodott lokali. Propju għalhekk li saħaq li din l-emenda u r-riforma proposta sserraħ ras il-bidwi, tagħmel aktar ġustizzja mas-sidien tal-art imma fuq kollox tħares ukoll l-interess pubbliku.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard spjega li dan kollu jixhed dwar kemm dan il-gvern mhuwiex jibża’ jindirizza sitwazzjonijiet li baqgħu mhux indirizzati għal diversi snin. Il-Ministru qal li din hija riforma importanti fejn il-Gvern qed jintervjeni biex jissalvagwardja l-art agrikola u li sussegwentament il-pajjiż se jkollu s-sigurtà tal-provvista tal-ikel.