Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ħabbar pakkett ta’ emendi kostituzzjonali li għandhom l-għan ikomplu jsaħħu l-istandards u l-effiċjenza fis-settur tal-ġustizzja. Dawn huma żviluppi kostituzzjonali li jkomplu jibnu fuq ir-riformi li twettqu mill-2020 ‘il quddiem fil-kostituzzjoni ta’ pajjiżna, u li bihom pajjiżna stabbilixxa standards Ewropej.
Il-Ministru Attard spjega li dawn l-emendi huma riżultat ta’ numru ta’ diskussjonijiet li saru fl-aħħar xhur, fejn ukoll ġew mixtarra diskorsi u rapporti li jitrattaw u jeħtieġu tibdil kostituzzjonali, inkluż appelli li saru mill-Prim Imħallef fil-ftuħ tas-sena forensi.
Il-Ministru Jonathan Attard spjega kif bħala Ministeru kull sena jittieħed nota tal-messaġġ li jsir mis-sedja, jiġu mislutin numru ta’ miżuri għat-twettiq u sussegwentement segwit l-implimentazzjoni tagħhom. Uħud mill-appelli jitwettqu fl-immedjat, hekk kif ikunu ta natura amministrattiva, kif ukoll oħrajn ta’ natura leġiżlattiva li jirrikjedu intervent Parlamentari inkluż bħal dan il-każ kostituzzjonali. Dan l-abbozz ta’ liġi huwa konferma ta’ kemm il-Gvern verament jagħti prijorità lis-settur tal-ġustizzja u jieħu konsiderazzjoni l-appelli ta’ rieda tajba.
Il-Ministru Jonathan Attard ippreżenta sett ta’ emendi li huma:
- Qiegħed jiġi mħassar is-sub-artikolu li jirristrinġi Imħallef milli jkun eleġibbli li jinħatar bħala President.
- Ħolqien ta’ tliet sezzjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali biex jisimgħu kawżi tal-appelli kostituzzjonali.
- Tisħiħ fl-involviment tal-Ġudikatura fil-ħatra ta’ Prim Imħallef ġdid.
- Reġistru ġdid tal-kandidati li jkunu shortlistedmill-kumitat tal-ħatriet tal-ġudikatura.
- Żieda fl-età tal-irtirar tal-Ġudikatura għal sebgħin (70) sena bi proċess quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja
- Reviżjoni tat-terminu tal-Kumitat tal-Avukati u Prokuraturi Legali fir-rigward ta’ proċeduri ta’ etika.
- Istitwit l-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards tal-Ġudikatura maħtur mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, u tisħiħ fil-proċedura, u estensjoni tal-parametri li jitrattaw l-etika u dixxiplina tal-ġudikatura.
- L-Awditur Ġenerali in linea ma’ karigi kostituzzjonali oħrajn f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil taż-żewġ terzi.
- Emendi ulterjuri li jitrattaw aġġornament ta’ drafting u cross-referencing
- Il-Ministru Jonathan Attard spjega f’dettall dawn l-emendi, b’mod partikolari ir-riforma fil-proċess tal-istandards u d-dixxiplina tal-ġudikatura fejn saħaq li “Din ir-riforma mhijiex messaġġ ta’ sfiduċja fil-ġudikatura, anzi, kif dejjem għidt aħna għandna fiduċja fil-Ġudikatura. Jien nemmen li l-Ġudikatura fil-maġġoranza kbira tagħha kuljum tgħix il-ġurament ta’ lealtà li ħadu lejn il-Kostituzzjoni, imma bħal kull aspett ieħor ikollok sitwazzjonijiet li jwasslu biex inaffru dik il-fiduċja ħabba l-aġir ta’ wħud. Għaldaqstant, mhux biss irid ikollna provedimenti kostituzzjonali imma wkoll proċeduri maħsuba biex dak l-element ta’ standard, dixxiplina u etika jiġi aktar effettivament infurzat.”
Il-Ministru kompla jgħid li huwa konvint li b’dawn l-emendi qed jingħata aċċess għal rimedju aktar effettiv liċ-ċittadini, filwaqt li se tkompli tissaħħaħ il-fiduċja li tgawdi l-ġudikatura f’pajjiżna. “Dan huwa pass kostituzzjonali ieħor storiku li jkompli jsaħħaħ is-saltna tad-dritt f’pajjiżna,” saħaq il-Ministru Attard.Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata wkoll mill-Whip tal-Gvern Naomi Cachia, fejn tat sfond tal-kullana ta’ emendi Kostituzzjonali li twettqu fl-aħħar snin mill-Gvern. Dr Cachia kompliet ukoll tispjega l-pjan ta’ ħidma parlamentari fejn qalet li l-intenzjoni tal-Gvern hija li wara li l-ġimgħa l-oħra sar l-ewwel qari tal-abbozz, illum issir il-pubblikazzjoni, kif ukoll sussegwentement il-ġimgħa d-dieħla tiskatta d-diskussjoni tat-tieni qari u eventwali l-vot finali.