Saturday, March 14, 2026

RIFORMA KRUĊJALI FIS-SAĦĦA MENTALI

Aqra wkoll

Ir-riformi kbar li ddaħħlu f’dawn l-aħħar snin, u oħrajn għadhom jiġu introdotti f’pajjiżna bla dubju huma bla preċedent. Issa l-attenzjoni qed tiffoka fuq riforma oħra kruċjali – l-iStrateġija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju. Din l-istrateġija, li hi l-ewwel tax-xorta tagħha li qed tiġi ntrodotta, tnediet proprju fil-jiem li għaddew u hi mfassla b’mod li tiġi implimentata matul il-ħames snin li ġejjin. 

L-istrateġija tindirizza kemm l-isfidi li qed jevolvu kif ukoll dawk li qed ifiġġu fl-istesswaqt li tkun tirrifletti r-realtajiet li qed naffaċċjaw fil-livelli lokali u globali. Waqt li Malta tirreġistra waħda mill-inqas rati ta’ każi ta’ suwiċidju fl-Ewropa, hu essenzjali li jiġi rikonoxxut li kull ħajja mitlufa b’suwiċidju hija traġedja u warajha tħalli trawma u niket bla qies. Dan hekk kif ir-riperkussjonijiet jestendu lil hinn mill-persuna, tant li jħallu impatt dejjiemi fuq familjari, ħbieb u l-komunità inġenerali. 

Kif spjega l-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, il-prevenzjoni tas-suwiċidju ma sserraħx biss fuq il-miżuri mill-awtoritajiet imma hi responsabbiltà kollettiva, li teħtieġ pjan ħolistiku, iffukat fuq is-soċjetà u b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Gvern. F’dan il-kuntest, nirrikonoxxu li l-Gvern jibqa’ sod fl-impenn tiegħu għall-aħjar benesseri ta’ kull persuna anki individwali.

Dan jidher li qed isir permezz servizzi varji li diġà qed jiġu offruti fosthom interventi f’każi ta’ kriżi u solitudni. F’dan ir-rigward ukoll, wieħed għandu japprezza li l-istrateġija nazzjonali tinkludi miżuri li jsaħħu l-għarfien, itejbu l-aċċess għas-servizzi u jippromwovu intervent bikri u f’waqtu. 

Barra minn dan qed isiru pjanijiet biex jiġi stabbilit Ċentru ta’ Psikjatrija Akuta ġdid fil-viċinanza tal-Isptar Mater Dei biex jilqa’ fih individwi li jkollhom sfidi akuti ta’ saħħa mentali. Fl-istess waqt li żona dedikata għall-psikjatrija fi ħdan id-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei se tiżgura mmaniġġjar effiċjenti u xieraq ta’ emerġenzi psikjatriċi.

Għalhekk nittamaw li l-poplu jkun konvint li l-għanijiet u l-miri li joħorġu minn din l-istrateġija mhux biss jintlaħqu fi żmien previst imma wkoll li l-pubbliku jilqa’ dawn il-miżuri għaliex l-intenzjoni warajhom qabel kollox hija s-saħħa mentali taċ-ċittadini.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport