Hekk kif qed tiġi organizzata ġimgħa ta’ attivitajiet marbutin mas-settur tad-diżabilità mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat u l-entitajiet tiegħu, fl-isfond tal-Jum Internazzjonali għad-Diżabilità, tħabbar pass importanti b’rabta mar-riforma tal-qafas leġiżlattiv biex jiġu msaħħa d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.
Din il-liġi l-ġdida li ser tara li d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità jiġu mħarsa aħjar, tħabbret mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia waqt il-konferenza nazzjonali organizzata mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (CRPD).
Il-ministru rrimarkat li dan il-pakkett leġiżlattiv bħalissa qiegħed jiġi mgħarbel mill-aspett legali fi ħdan l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat. Din ir-riforma għandha l-għan li tagħti s-saħħa neċessarja lis-CRPD, biex din tkun tista’ tieħu azzjoni konkreta kontra l-isfidi u l-inġustizzji li jaffettwaw il-persuni b’diżabilità, b’sistema b’saħħitha ta’ infurzar u aċċess aktar faċli għall-ġustizzja.
Il-liġi l-ġdida se tara l-introduzzjoni ta’ panels ta’ esperti li, bi proċess aktar aċċessibbli u effiċjenti, jieħdu deċiżjonijiet dwar ilmenti mingħajr il-bżonn ta’ proċeduri twal u li jiswew il-flus fil-qrati. Dawn il-panels mhux biss jistgħu jordnaw rimedji prattiċi u finanzjarji, imma jistgħu wkoll jimponu sanzjonijiet kontra min jikser il-liġi jew jostakola l-ħidma tal-Kummissjoni. Apparti minn hekk, għall-ewwel darba, id-diskriminazzjoni kontra persuni b’diżabilità ser tkun rikonoxxuta b’mod ċar fil-Kostituzzjoni ta’ Malta.
Min-naħa tagħha, il-ministru spjegat kif din il-liġi storika ser tgħin biex pajjiżna jagħmel qabża ’l quddiem fid-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità.
“Din ir-riforma mhux biss se tgħin biex nindirizzaw l-isfidi li ilhom jippersistu fil-settur tad-diżabilità bħal issues relatati mal-edukazzjoni, l-impjieg, u l-aċċessibilità, oqsma kruċjali li jiddeterminaw il-kwalità tal-ħajja ta’ persuni b’diżabilità, iżda tirrappreżenta wkoll bidla fundamentali fil-mod kif il-pajjiż tagħna jittratta l-ugwaljanza u d-drittijiet tal-bniedem. Din ir-riforma se tpoġġi l-għodda neċessarja f’idejn il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u f’idejn is-soċjetà kollha kemm hi, biex mhux biss inkunu reattivi għall-inġustizzji, iżda proattivi fit-twaqqif ta’ strutturi li jiżguraw riżultati tanġibbli. Dan huwa pass ieħor lejn il-viżjoni tagħna ta’ pajjiż aktar inklussiv, fejn ħadd ma jitħalla lura u fejn kull persuna, irrispettivament mill-abbiltà tagħha, tingħata l-opportunità li tgħix ħajja ta’ dinjità u rispett,” temmet tgħid il-ministru.
Din ir-riforma leġiżlattiva tixhed impenn ċar lejn il-ħolqien ta’ pajjiż fejn id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità mhux biss jiġu rikonoxxuti, iżda wkoll protetti b’mod attiv permezz ta’ mekkaniżmi effettivi u infurzar konkret. Hija inizjattiva li tistabbilixxi mudell ġdid ta’ responsabbiltà u azzjoni għall-istituzzjonijiet, fejn il-ġustizzja u l-ugwaljanza jkunu fil-qalba tas-sistema. Dan il-pakkett leġiżlattiv mhux biss jirrifletti viżjoni għal soċjetà aktar inklussiva, iżda jwitti t-triq għal kultura ta’ rispett u dinjità għal kulħadd – qafas li jilqa’ lil kull persuna bħala parti integrali mill-ġid komuni tal-pajjiż.