Hekk kif ilbieraħ fil-Parlament ġie diskuss l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda Liġijiet Varji dwar iċ-Ċertifikati tal-Kondotta u r-Rijabilitazzjoni ta’ Persuni fis-Soċjetà, is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg qalet li din hi riforma oħra li l-Gvern qed iwettaq biex jingħata t-tieni ċans lil min tassew ħaqqu.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg bdiet billi rringrazzjat lill-Ministru Jonathan Attard li flimkien miegħu ħadmet fuq din ir-riforma biex issa qiegħda tkun diskussa fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Saħqet li huwa fl-aħjar interess tas-soċjetà li l-istituzzjoni taċ-Ċertifikati tal-Kondotta għandha tinżamm kif inhi iżda jemmnu li għandhom isiru numru ta’ emendi li jirriflettu r-realtajiet li qed ngħixu fihom.
Hija fissret kif matul dawn l-aħħar 90 sena, l-Ordinanza dwar iċ-Ċertifikati rat diversi reviżjonijiet sabiex jirrispondi għall-iżviluppi li jkunu qed iseħħu fis-soċjetà.
Qalet li f’dawn is-snin kollha saru mal-20 emenda f’din l-Ordinanza.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg żiedet tgħid li din ir-riforma fiha diversi elementi u se sservi ta’ xprun biex min kien jew ikun ikkundannat għal sentenza ta’ priġunerija jifhem li jista’ jgħin ruħu biex jibda paġna ġdida wara li jkun skonta jew tkun skontat is-sentenza tiegħu jew tagħha.
Din ir-riforma se tintroduċi l-possibbiltà li persuni li skontaw sentenza jitolbu li jingħataw ċertifikat supplimentari dwar il-programmi ta’ rijabilitazzjoni li jkunu segwew kemm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jew f’xi waħda mill-NGOs li jaħdmu f’dan is-settur.
“Iċ-ċertifikat li qed nissuġġerixxu se jkun jista’ jinħareġ b’din il-liġi u huwa riżultat ta’ konsultazzjoni pubblika wiesgħa li għamilna dwar din ir-riforma.”
“Dan iċ-ċertifikat mhux se jieħu post iċ-ċertifikat tal-kondotta. Iżda se jkun supplimentari għal dak tal-kondotta,” kompliet tispjega s-Segretarju Parlamentari Buttigieg.
“L-appell tiegħi minn issa huwa biex min iħaddem jagħti każ ta’ dan iċ-ċertifikat flimkien mal-kondotta biex huma wkoll jagħtu t-tieni ċans lil min tassew ħaqqu.”
Aspett ieħor f’din ir-riforma huwa li se jiqsar iż-żmien li r-reati jibqgħu jkunu reġistrati fuq iċ-ċertifikati tal-kondotta. “Se nagħmlu tnaqqis sinifikanti fit-tul li reat jista’ jibqa’ jidher fil-kondotta. Wara li persuna tkun skontat is-sentenza tagħha u ħarġet mill-ħabs jiskatta perjodu ieħor ta’ żmien biex ir-reat ma jibqax jidher fil-kondotta,” tenniet is-Segretarju Parlamentari.
B’dawn l-emendi sentenzi b’kundanni ta’ aktar minn għaxar snin ħabs se jitneħħew mill-kondotta ħames snin wara li tkun skontata s-sentenza. B’hekk se jitnaqqas nofs iż-żmien għax sal-lum persuna jkollha tistenna għaxar snin oħra wara li toħroġ mill-ħabs biex dik it-tebgħa titneħħa miċ-ċertifikat tal-kondotta.
Qed ikun propost li sentenzi b’kundanni ta’ ħabs li huma ta’ aktar minn ħames snin imma sa għaxar snin jitneħħew mill-kondotta wara tliet snin minflok ħames snin.
Sentenzi li għandhom kundanna ta’ ħabs ta’ bejn sena u ħames snin ħabs mhux se jibqgħu jidhru fil-kondotta wara sentejn minflok tliet snin.
Sentenzi li għandhom inqas minn sena ħabs mhux se jibqgħu jidhru fil-kondotta wara sitt xhur flok sena. Reati li għandhom sentenza ta’ inqas minn sitt xhur, b’din ir-riforma se jitneħħew tliet xhur wara minflok sena li dik il-persuna tkun ħarġet mill-ħabs.
F’dawk il-każijiet fejn il-Qorti ordnat li titħallas multa, din ma tidhirx fil-kondotta malli titħallas il-multa mill-persuna konċernata. B’din ir-riforma anke dawk il-każijiet li ġew depenalizzati bħala każijiet ta’ pussess sempliċi tad-droga għall-użu personali mhux se jitniżżlu fil-kondotta.