L-approvazzjoni mill-Kabinett tal-Ministri għall-proposti marbuta mal-Miscarriage Leave kienet pass ieħor importanti ’l quddiem biex eventwalment tkun introdotta din il-miżura, bil-mudell kif qed jiġi propost f’pajjiżna huwa tal-ewwel xorta tiegħu fid-dinja.
Ninnutaw kif il-Gvern intensifika d-diskussjoni fuq dan is-suġġett, anke b’diversi laqgħat li saru fil-komunità, fejn mhux biss sema’ diversi esperjenzi personali ta’ korriment tat-tqala iżda wkoll ġabar diversi suġġerimenti u proposti mingħand esperti fil-qasam, l-imsieħba soċjali u kif ukoll mingħand il-pubbliku.
Nirrikonoxxu l-fatt li fuq dan is-suġġett kien hemm qbil kemm minn Membri Parlamentari, kemm min-naħa tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni, kif ukoll diversi imsieħba soċjali. Aħna naqblu wkoll ma’ dak li qal is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul li din il-miżura se tkun qiegħda isservi ta’ appoġġ mhux biss għal min jgħaddi minn korriment, iżda anke għal min iħaddem.
Huwa għalhekk li ninnutaw b’sodisfazzjon li fost il-proposti li l-Gvern qed iressaq ’il quddiem hemm li se jkunu qegħdin jingħataw sebat ijiem leave konsekuttivi, bil-leave jingħata lill-mara kif ukoll lill-partner tagħha, inkluż dawk tal-istess sess u koppji li mhumiex miżżewġin. Barra minn hekk, il-leave se jkun qed jitħallas b’mod sħiħ mill-Gvern, ibbażat fuq il-median wage u se jkun offrut ukoll appoġġ psikoloġiku lill-koppja. Fl-istess waqt, il-Gvern se jkun qiegħed iħallas ukoll in-National Insurance Contribution kemm tal-impjegat u anke ta’ min iħaddem.
Għal dawn il-proposti kien hemm reazzjonijiet pożittivi, inkluż mill-General Workers’ Union li saħqet li din hija miżura neċessarja filwaqt li tħares ’il quddiem għal aktar diskussjonijiet anke quddiem l-Employment and Industrial Relations Board. Dan kollu qabel l-abbozz ta’ liġi relatat jiġi preżentat fil-Parlament.
Fil-fehma tagħna, dan il-pass ikompli jikkonferma kemm il-Gvern qed jisma’ l-karbiet diversi tas-soċjetà. Fuq kollox, din hi riforma li se tagħmel differenza fil-ħajja ta’ dawn il-koppji, li b’mod ħolistiku toffri dinjità u empatija u li tpoġġi lil Malta għal darba oħra fuq quddiem fejn jidħlu drittijiet tal-ħaddiema.