Sunday, February 8, 2026

Riforma li tħares l-interessi tal-familja kollha 

Aqra wkoll

Ministru, nistgħu nibdew billi nistaqsuk x’inhi eżattament il-Qorti tal-Familja l-ġdida u għaliex qed tinħoloq?

Ministru Jonathan Attard: Ir-riforma tal-Qorti tal-Familja hija riforma importanti li toħloq Qorti speċjalizzata b’Ġudikatura ddedikata kompletament għall-kawżi ta’ natura familjari. Mhijiex aktar sezzjoni tal-Qorti Ċivili, iżda qorti li tiffoka b’mod speċjalizzat fuq kwistjonijiet bħall-kustodja, is-separazzjoni, il-manteniment, u kull każ li jirrelata t-tfal. L-għan ewlieni huwa li nagħtu ġustizzja aktar effiċjenti, sensittiva u adattata għall-ħtiġijiet tal-familji.

Barra minn hekk, ser ikollna binja ġdida ddedikata għall-Qorti tal-Familja, flimkien ma’ uffiċċju ta’ appoġġ fi ħdan l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti, u taħriġ estensiv għall-imħallfin, staff, medjaturi, avukati tat-tfal u ħaddiema ta’ sostenn.

Il-medjazzjoni baqgħet obbligatorja?

Ministru Attard: L-istorja u l-istatistika turi li l-medjazzjoni hija suċċess u għaldqstant iva, baqgħet. Pero rajna li nsaħħu dan il-proċess u ndaħħlu termini tassattivi biex jitnaqqas l-abbużż. Din tinkludi mill-inqas sitt sessjonijiet li jsiru fi żmien tmien xhur, u jekk ikun hemm bżonn, il-perjodu jista’ jiġi estiż b’erba’ xhur oħra.

U min hu eżattament l-Avukat tat-Tfal? Meta jintervjeni?

Ministru Michael Falzon: L-Avukat tat-Tfal huwa gwardjan ad litem li jaġixxi f’isem it-tfal. Il-funzjoni tiegħu hija li jirrappreżenta l-aħjar interess tagħhom. F’proċeduri ta’ medjazzjoni  ser jinħatar fuq inizjattiva tal-partijiet, tal-medjatur jew tal-Qorti, filwaqt li ser ikun appuntat dejjem f’kawżi kontenzjużi. Dan jiġri b’mod speċjali meta jkun hemm kwistjonijiet sensittivi bħal manipulazzjoni, kustodja jew vjolenza domestika.

U x’jagħmlu eżatt il-Persuni ta’ Sostenn?

Ministru Falzon: Il-Persuni ta’ Sostenn jistgħu jkunu esperti tal-Qorti jew terapisti. L-esperti jagħmlu evalwazzjonijiet dwar it-tfal u l-ġenituri, filwaqt li t-terapisti joffru sostenn emozzjonali. Jintervjenu f’każijiet ta’ tensjoni severa bejn il-ġenituri, manipulazzjoni tat-tfal, vjolenza domestika jew meta jkun hemm bżonn ta’ appoġġ terapewtiku.

Meta jkunu maħtura bħala esperti tal-Qorti, iridu jippreżentaw ir-rapport tagħhom fi żmien erba’ xhur, b’estensjoni addizzjonali sa xahrejn jekk ikun meħtieġ.

Fil-medjazzjoni, kif tinġabar l-informazzjoni finanzjarja?

Ministru Attard: Malli jiġi ppreżentat it-talba għal ftuħ ta’ proċeduri, il-parti għandha tippreżenta nota ġuramentata li tinkludi assi, djun, u dħul għat-tliet snin preċedenti. Jeħtieġ ukoll dokumenti bħall-FS3 jew ir-rendikont tal-profitt u t-telf.

U jekk xi dokumenti ma jkunux disponibbli?

Ministru Attard: Jekk dokument bħall-FS3 jew profit & loss ma jkunx disponibbli, il-liġi tippermetti li ssir dikjarazzjoni ġuramentata li tispjega għaliex id-dokument għadu mhux disponibbli.

X’jiġri jekk tinħareġ allegazzjoni ta’ vjolenza domestika waqt il-medjazzjoni?

Ministru Attard: Il-Qorti tista’ immedjatament tissospendi l-medjazzjoni, tisma’ lill-partijiet, u tieħu l-miżuri ta’ protezzjoni meħtieġa. 

Tista’ wkoll tinnomina Avukat tat-Tfal jew Persuna ta’ Sostenn.

Ministru Falzon: Il-vjolenza domestika tibqa’ waħda mill-aktar forom gravi ta’ abbuż fis-soċjetà tagħna. U llum, bħal dejjem, irridu nkunu ċari: kull forma ta’ vjolenza hija kompletament inġustifikabbli, inaċċettabbli u reat kriminali. 

Ir-Riforma tal-Familja tagħti protezzjoni immedjata lill-vittmi, inkluż bis-sospensjoni tal-medjazzjoni fejn hemm riskju u rapport immedjat u obbligatorju lill-Qorti.

Fl-istess ħin, ir-riforma qed tipprovdi rimedju kontra l-manipulazzjoni u rapporti foloz, b’setgħat ċari lill-Qorti biex taġixxi fejn ikun hemm abbuż mill-proċess. L-interess tat-tfal jibqa’ prijorità assoluta. 

Il-messaġġ tagħna huwa wieħed: protezzjoni għal min jinsab fil-periklu, u responsabbiltà għal min jipprova jabbuża mill-proċess.

Il-liġi tirrikonoxxi parental alienation?

Ministru Falzon: Fil-kuntest ta’ Parental Alienation, din ir-riforma tagħti setgħat estiżi lill-Qorti biex tidentifika u tieħu azzjoni kontra kwalunkwe forma ta’ manipulazzjoni, inkluż is-sospensjoni jew il-varjazzjoni tad-drittijiet meta jkun hemm provi ta’ abbuż intenzjonat tal-proċess. 

Dan ifisser li l-Istat qed jindirizza kull dinamika ta’ kontroll, pressjoni jew abbuż tal-proċess ġudizzjarju, mhux biss l-aljenazzjoni bejn ġenituri u tfal. L-għan hu wieħed: li l-proċess ma jintużax bħala arma, u li t-tfal ikunu mħarsa f’kull ċirkostanza.

Kif tiddeċiedi l-Qorti fuq kustodja u aċċess?

Ministru Attard: Il-Qorti tħares primarjament lejn l-aħjar interess tat-tfal. Għaldaqstant fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti trid tqis id-drittijeit ugwali, tevalwa l-ħiliet ta’ kull ġenitur, ix-xewqat tat-tfal, u ċ-ċirkostanzi tal-familja. L-aċċess ma jitqiesx biss bħala dritt imma bħala obbligu ta’ żewġ ġenituri. 

Din ir-riforma tagħti bażi legali soda għall-prinċipju ta’ coparenting, biex it-tfal jibbenefikaw minn rabta bilanċjata maż-żewġ ġenituri.

 U jekk xi ġenitur jikser id-digrieti tal-Qorti?

Ministru Attard: Jekk ikun hemm ksur ripetut, il-Qorti tista’ tissospendi jew tvarja d-drittijiet, tirreferi għall-proċeduri kriminali jekk hemm lok, u tieħu passi immedjati bħal smigħ fi żmien 20 jum u deċiżjoni fi 15-il jum oħra.

Wara l-medjazzjoni, meta trid tinbeda l-kawża?

Ministru Attard: Malli tingħata l-awtorizzazzjoni mill-Qorti, il-parti għandha xahrejn biex tiftaħ il-kawża ta’ separazzjoni jew divorzju. L-attur għandu sa sitt xhur biex jippreżenta l-provi tiegħu, u l-konvenut għandu sitt xhur oħra. 

Il-Qorti tista’ testendi dawn il-perjodi jekk ikun hemm raġunijiet serji.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport