Fl-era tal-avvanzi mediċi notevoli il-bniedem kiseb il-kapaċita mhux biss li jfejjaq ħafna mill-mard imma aktar minn hekk, l-abiltà li jtawwal il-ħajja b’modi li kienu biss ħolm u xewqat għexieren ta’ snin ilu.
A Living Will huwa Testment ħaj, magħruf ukoll bħala direttiva ta’ avvanz, li joffri opportunità li tippermetti lil kull individwu jasserixxi kontroll fuq il-kura medika tiegħu għal sitwazzjoni meta ma jkunx jista jitkellem għalih innifsu aktar. Dan it-testment huwa espressjoni essenzjali ta’ awtonomija, dinjità u kompassjoni.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-ħolqien ta’ living will mhuwiex dwar il-mewt imma huwa dwar l-affermazzjoni tal-valuri ta’ dak li jkun fil-ħajja. Huwa dikjarazzjoni li anke fl-aktar mumenti vulnerabbli tiegħu, l-għażliet li jagħmel bniedem huma importanti.
Huwa mezz li joffri triq ’il quddiem ibbażata fuq id-dinjità, iċ-ċarezza u r-rispett. Huwa sempliċement pass li jista’ jagħmel differenza profonda mhux biss għall-individwu nnifsu iżda wkoll għal dawk li huwa jħobb.
Dan il-kunċett beda jiġi diskuss fil-Parlament nhar it-Tnejn li għadda u jifforma ħolqa oħra fil-kullana ta’ riformi favur in-nies li mexxa ’l quddiem dan il-Gvern Laburista. Hija riforma kuraġġuża li issa fortunatament, anki l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ddikjarat ruħha favur il-prinċipji ta’ din ir-riforma.
Mhux biss imma anki l-Assoċjazzjoni tat-Tobba u saħansitra anki l-Arċisqof Monsinjur Charles Scicluna rreaġixxew pożittivament dwar dan l-abbozz li fi kliem is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg, li qed tmexxi dan l-abbozz, se jistabbilixxi qafas regolatorju b’rispett sħiħ lejn id-drittijiet tal-individwi u l-awtonomija personali. Fl-istess waqt dan se jsir skont kif titlob l-etika professjonali.
Fuq kollox, meta ssir liġi, din se tkun qed tirriafferma l-kura b’dinjità għal pazjenti skont l-għażliet li jagħmlu. Għalhekk, din ukoll se tnaqqas il-piż tar-responsabbiltà, partikularment dik emozzjonali, tal-qraba li kien ikollhom jiddeċiedu huma għall-għeżież tagħhom mingħajr ħjiel tax-xewqat tal-istess pazjent.
Apparti hekk, b’din il-liġi ser tissaħħaħ l-edukazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tas-saħħa, fl-istess waqt li se jingħata kontroll personali sħiħ dwar ċerta kura lil pazjenti li jkollhom il-living will biex jekk iridu jevitaw trattamenti invażivi u straordinarji.

