Wednesday, October 30, 2024

Riformi bla preċedent fis-settur tal-kostruzzjoni

"Liġi li għall-ewwel darba introduċiet il-liċenzjar tal-kuntratturi" - intervista mal-analist politiku Anthony Agius Decelis.

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

F’pajjiżna qegħdin nassistu għal riformi bla preċedent fis-settur tal-kostruzzjoni, settur li kiber ħafna u għal snin twal kellu bżonn ta’ regoli u tibdil bil-għan li kollox isir kif suppost. Fil-fatt, fl-aħħar jiem rajna jidħol fis-seħħ l-Avviż Legali Nru. XX tal-2023 li għall-ewwel darba introduċa f’pajjiżna l-liċenzjar tal-kuntratturi tal-kostruzzjoni. F’intervista ma’ Anthony Agius Decelis nitkellmu fid-dettal dwar dan l-avviż legali, xi jfisser, x’jirrikjedi u x’inhuma r-riżultati huma mistennija minnu. Barra minnhekk, nitkellmu wkoll dwar il-liċenzjar tal-bennejja, kif ukoll ir-rwol tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni f’dan kollu.

Decelis beda biex qal lil Talk.mt li l-Avviż Legali Nru. XX tal-2023 qiegħed jobbliga li kull kuntrattur li jaħdem fl-oqsma tat-twaqqigħ, skavar u bini għandu japplika għal liċenzja mal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni filwaqt li jistipula l-kriterji mitluba biex wieħed japplika għal din il-liċenzja.

L-applikazzjonijiet għal din il-liċenzja bdew jintlaqgħu mit-Tnejn 24 ta’ Lulju u jistgħu jsiru b’mod elettroniku mis-sit tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni; www.bca.org.mt.

“Il-kuntratturi li se jkunu qegħdin japplikaw f’dan il-perjodu jistgħu jkomplu joperaw waqt li l-applikazzjoni tagħhom se tiġi evalwata mill-Kumitat tal-Liċenżjar, imwaqqaf skont fl-Avviż Legali. Min-naħa l-oħra, dawk li jonqsu milli jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom sal-aħħar t’Ottubru, mhux se jkunu jistgħu jaħdmu xogħol ta’ twaqqiegħ, skavar u bini, qabel tinħarġilhom approvazzjoni proviżorja tal-applikazzjoni tagħhom mill-Kumitat tal-Liċenżjar, sakemm eventwalment tinħareġ il-liċenzja b’mod sħiħ,” spjega dan l-analist politiku.

Xogħol kopert b’polza ta’ assikurazzjoni

Hawn Decelis qal li l-kuntratturi li japplikaw għal din il-liċenzja għandhom jassiguraw li kull xogħol li jkunu qegħdin iwettqu jkun kopert b’polza ta’ assigurazzjoni valida li tkopri kwalunkwe telf jew ħsara li xi persuna tista’ ġġarrab riżultat ta’ xi att jew ommissjoni min-naħa tal-kuntrattur liċenzjat, jew ħaddiema li jaħdmu taħt id-direzzjoni tiegħu waqt it-twettiq tax-xogħlijiet, kif ukoll għal danni fuq il-post tax-xogħol, inkluż ħsara fuq xi mpjegat li jista’ jsofri.

Elabora li, “wieħed jinnota wkoll li l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni tista’ tikkonsidra li kwalunkwe kontravenzjoni li ssir minn kuntrattur li l-applikazzjoni tiegħu tkun għadha qiegħda tiġi evalwata, tista’ twassal biex l-applikazzjoni tiegħu tiġi rifjutata u b’hekk l-applikant ma jkunx jista’ jkompli jaħdem, filwaqt li kuntratturi li jkunu kisbu l-liċenzja u jwettqu xi kontravenzjoni jista’ jkollhom il-liċenzja tagħhom sospiża jew irtirata”.

Penali li jistgħu jlaħħqu l-€50,000 u multi ulterjuri sa massimu ta’ €5,000 kuljum
Agius Decelis daħal fid-dettal dwar dak li tistabbilixxi l-liġi rigward skeda ta’ penali li jistgħu jeħlu kuntratturi li jkunu qegħdin jaħdmu bla liċenzja, jew b’liċenzja sospiża, jew bi ksur tal-kundizzjonijiet tal-liċenzja. “Dawn ivarjaw minn pieni ta’ priġunerija ta’ mhux aktar minn sitt xhur, għal penali amministrattivi li jistgħu jlaħħqu l-€50,000 u multi ulterjuri sa massimu ta’ €5,000 kuljum”.

Min-naħa tiegħu insista li flimkien ma’ din ir-riforma daqstant importanti, f’Malta qegħdin naraw ukoll riforma oħra f’dan is-settur; bidla fil-liċenzja tal-bennejja. Fir-rigward Agius Decelis fakkar li l-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi, spjega kif din il-bidla hija maħsuba biex jiġu ċċarati il-ħiliet u r-responsabbiltajiet ta’ min ikollu din il-liċenzja.

Hawn żied li, “preżentament, il-liċenzji tal-bennejja ilhom mill-1880 regolati mill-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija u jinħarġu mid-Direttur tax-Xogħlijiet Pubbliċi wara li jkun sar eżami mill-Bord tal-Bennejja. Wieħed jinnota kif din hija bidla storika, hekk kif wara 140 sena, qiegħda ssir din il-riforma fis-settur tal-kostruzzjoni. L-Avviż Legali dwar il-Liċenzjar tal-Bennej se jkun qiegħed jinqala’ mill-Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija u jiddaħħal fil-qafas tal-Att li waqqaf l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, li se tieħu taħt il-kappa tagħha b’mod konkret il-liċenzjar tal-bennejja”.

Liċenzji għal xogħol ta’ kwalità aħjar

Fl-istess ħin, Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni ġiet assenjata biex twettaq u tieħu post il-funzjonijiet tal-Bord tal-Bennejja filwaqt li tingħata l-awtorità li toħroġ liċenzji għal xogħol ta’ kwalità aħjar fl-industrija tal-kostruzzjoni.

Agius Decelis qalilna li l-Avviż Legali l-ġdid fost l-oħrajn jelenka l-kriterji li bihom wieħed jista’ jikseb il-liċenzja, kif ukoll ir-responsabilitajiet li kull bennej liċenzjat irid iġorr, fosthom li jkun preżenti fuq il-lant tax-xogħol.

Preżentament għaddejja konsultazzjoni pubblika dwar dan, li se tibqa’ miftuħa sat-Tnejn 4 ta’ Settembru 2023. L-abbozz tal-Avviż Legali jista’ jinkiseb mis-sit: www.konsultazzjoni.gov.mt fejn wieħed jista’ wkoll iħalli l-kummenti jew suġġerimenti tiegħu. Jistgħu wkoll jintbagħtu emails lil [email protected].

“Nemmen li r-riformi bla preċedent li qegħdin isiru fis-settur tal-kostruzzjoni, bħalma tenna wkoll il-Prim Ministru Robert Abela, se jgħollu l-livell ta’ dan is-settur f’pajjiżna,” temm Anthony Agius Decelis.

Sport