Saturday, January 10, 2026

RIFORMI FIL-QRATI LI QED IĦALLU RIŻULTATI

Aqra wkoll

Is-sena li għaddiet kienet waħda pożittiva u meqjusa rekord f’diversi aspetti għall-Qrati ta’ Malta. Dan il-ġurnal irrapporta li sas-26 ta’ Diċembru kienu ġew deċiżi aktar kawżi minn dawk li daħlu kemm fil-qasam ċivili kif ukoll f’dak kriminali. Dan huwa xhieda tal-investiment kontinwu u anke tar-riformi li saru bil-għan li tkompli titjieb l-kwalità, l-effiċjenza u l-aċċessibilità tas-sistema ġudizzjarja. 

Għalhekk nilqgħu r-riżultati pożittivi li qed jinkisbu f’dan il-qasam, li qed iwasslu għal tnaqqis konsiderevoli fil-kawżi pendenti u b’operat li qed juri progress notevoli fil-kapaċità li jlaħħaq mad-domanda u tnaqqis fl-akkumulazzjoni ta’ kawżi pendenti. Ma rridux ninsew li d-dewmien fil-Qrati iwassal biex in-nies bir-raġun jilmentaw. Għalhekk huwa tajjeb li din l-isfida tiġi indirizzata kif jixraq, kif fil-fatt qed isir, bil-ħatriet ta’ aktar Maġistrati u Mħallfin u titjib fl-infrastruttura u anke fir-riżorsi umani. 

Il-mistoqsija iżda tqum waħedha. Quddiem dawn il-miżuri u r-riżultati kollha, wasalna? Naturalment għad baqa’ xogħol xi jsir. Dan ġie rikonoxxut ukoll mill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard, li filwaqt li għaraf li fadal ħafna aktar x’jiġi mwettaq, tenna li r-riformi leġiżlattivi u l-investiment bla preċedent f’dan is-settur, diġà bdew iħallu l-frott. 

Bla dubju li r-riformi leġiżlattivi, l-allokazzjoni ta’ maġistrati inkwerenti dedikati, sal-ħolqien ta’ spazji separati iżda strateġikament fl-akwati tal-binja prinċipali kienu passi sinifikanti u fundamentali għal sistema ta’ ġustizzja moderna u effiċjenti. 

B’ħarsa ’l quddiem, matul din is-sena mistennija li ssir enfasi akbar fuq il-proċess ta’ diġitalizzazzjoni filwaqt li jissoktaw l-investimenti fl-infrastruttura u l-ħolqien ta’ spazji ġodda. Inizjattivi li fil-fehma tagħna huma lkoll intiżi li jkomplu jsaħħu l-effiċjenza tal-Qrati.

Fuq kollox, għandna għax nifhmu wkoll li se tissokta wkoll il-ħidma fuq ir-riforma fil-Qorti tal-Familja, li ilha mistennija ħafna, anke biex permrezz tagħha jiġu indirizzati l-problemi tan-nies b’mod aktar effiċjenti. Għalhekk, f’settur daqstant sensittiv, il-Gvern irid ukoll sistema ġudizzjarja li tkun tista’ twieġeb b’mod aktar effettiv għar-realtajiet tal-familji. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport