Ġenituri ta’ tfal b’diżabilità issa jistgħu jitolbu lura sa €750 fis-sena bħala parti minn skema ta’ rifużjoni fuq l-ispejjeż tat-terapija mħallsa għat-tfal tagħhom.
Id-dettalji ta’ din l-iskema tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, fil-preżenza tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Rhoda Garland.
L-iskema ta’ rifużjoni ta’ spejjeż għal terapija, li qabel kienet l-iskema ta’ kreditu fuq it-Taxxa marbuta ma’ terapija, tippermetti lill-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità taħt l-età ta’ 16-il sena li jitolbu l-ispejjeż li jkunu ntefqu f’sessjonijiet ta’ terapija għal uliedhom. Ir-rifużjonijiet jinħarġu kull tliet xhur meta jiġu preżentati l-irċevuti għal-lista approvata ta’ terapiji sa massimu ta’ €750 fis-sena. Din hi żieda ta’ €250 mill-€500 li kien l-ammont stabbilit għas-sena li għaddiet.
Ġenituri li jaħdmu bi dħul baxx u allura ħielsa mit-taxxa u ġenituri fuq il-benefiċċji soċjali issa huma eliġibbli wkoll għal din ir-rifużjoni hekk kif ir-rifużjonijiet se jkunu qed jinħarġu mis-CRPD. Biex ikunu eliġibbli, it-tfal irid ikollhom il-karta tad-diżabilità tal-UE u t-terapija trid tiġi pprovduta minn terapista awtorizzat jew liċenzjat.
Il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif matul l-aħħar sentejn gawdew minn din l-iskema mal-450 familja u kif permezz ta’ din il-miżura ta’ simplifikazzjoni ser ikomplu jintlaħqu aktar familji. Hija spjegat li din l-iskema hija maħsuba biex tassisti lill-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità fl-ispejjeż tagħhom biex isostnu lil uliedhom, kemm dawk relatati ma’ servizzi terapewtiċi, edukazzjoni speċjalizzata, kif ukoll l-ispejjeż mediċi u ta’ assistenza personali.
“Aħna mhux biss wessajna u ssimplifikajna l-iskema sabiex nagħmluha aktar faċli għall-ġenituri biex japplikaw, iżda wkoll tajna każ tal-feedback li rċevejna minn familji li jużaw din l-għajnuna. L-għan tagħna huwa li nipprovdu sostenn konkret u effettiv, li jagħmilha aktar aċċessibbli u trasparenti, sabiex il-ġenituri jkunu jistgħu jiffukaw fuq il-benesseri u l-iżvilupp tat-tfal tagħhom mingħajr piż finanzjarju żejjed. Dan kollu jagħmel parti mill-impenn ta’ dan il-Gvern biex isaħħaħ l-inklużjoni u l-ugwaljanza, irrispettivament jekk iħallasx taxxa jew le,” temmet tgħid il-ministru.
Il-Kummissarju għas-CRPD Rhoda Garland żiedet tgħid li, “It-terapiji għat-tfal b’diżabilità huma essenzjali għall-iżvilupp futur tagħhom u għall-ħiliet ta’ għajxien indipendenti, iżda l-ġenituri mhux dejjem jistgħu jaffordjaw l-ispejjeż. Din l-iskema tgħin biex ittaffi wħud mill-pressjonijiet finanzjarji mġarrba mill-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità, billi tappoġġja direttament lilhom u lil uliedhom.”
Sabiex japplikaw għall-iskema, il-ġenituri għandhom jivverifikaw li t-terapija hija eliġibbli umbagħad jibagħtu l-formola tal-applikazzjoni mimlija b’kopji tal-irċevuti jew invoices lil [email protected] jew bil-posta lill-Uffiċċji tal-G5 tas-CRPD, Triq Salvu Psaila, Birkirkara.
Is-CRPD imbagħad tivverifika l-applikazzjoni, filwaqt li tiżgura li t-terapista u t-tip ta’ terapija jkunu approvati; sussegwentement il-ġenituri jirċievu rifużjoni b’ċekk fl-aħħar ta’ kull tliet xhur. Il-ġenituri jistgħu jibagħtu kemm iridu applikazzjonijiet matul kull sena, m’hemmx skadenza, u ċ-ċekkijiet jintbagħtu sa valur totali ta’ €750 f’sena waħda.
Ġenituri li jixtiequ japplikaw għat-terapiji tal-2024 xorta jistgħu jagħmlu dan, madankollu dawn l-applikazzjonijiet se jintbagħtu mis-CRPD lill-Uffiċċju tat-Taxxa għall-ipproċessar. Dawn għandhom jintbagħtu lis-CRPD sal-15 ta’ Marzu 2025.
Il-formola ta’ applikazzjoni l-ġdida għall-2025 tinstab hawn: https://www.crpd.org.mt/therapy-refund-scheme/.