Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett, ħabbar proġett ta’ riġenerazzjoni fil-lokalità ta’ Marsaxlokk, b’investiment totali ta’ aktar minn €8 miljun li jinkludi l-iżvilupp mill-ġdid tal-Marsaxlokk Aquatic Sports Club, l-estensjoni tal-bajja tar-ramel f’Għar l-Aħmar u l-bini mill-ġdid tat-triq f’din iż-żona.
Fiċ-ċentru ta’ dan il-proġett hemm ir-rikostruzzjoni sħiħa tal-Marsaxlokk Aquatic Sports Club bit-twaqqigħ tal-binja eżistenti, u li minflokha se jinbena kumpless sportiv u komunitarju ġdid. Dan ser ikun jinkludi pixxina għat-taħriġ u logħob tal-waterpolo kif ukoll pixxina iżgħar għall-użu ġenerali u rikreattiv, kumplimentati b’faċilitajiet sportivi bħal gym, fitness centre u kmamar għall-atleti.

Il-proġett jinkludi wkoll l-estensjoni u riġenerazzjoni tal-bajja tar-ramel fiż-żona magħrufa tal-Għar l-Aħmar. Il-bajja se tiġi estiża b’madwar 15-il metru lejn in-naħa t’isfel, sabiex toffri spazju akbar u aktar sikur għall-għawm u għall-familji li jżuruha. Dan il-proċess jinvolvi l-użu ta’ ramel naturali meħud mill-bajja interna ta’ Marsaxlokk. Biex dan ix-xogħol ikun protett mill-elementi naturali, se tinbena berm ġdida b’ġebel naturali biex jilqa’ l-mewġ u kurrenti.
Il-Ministru Chris Bonett spjega kif dan l-investiment jikkonferma l-viżjoni tal-Gvern li jara li l-infrastruttura tmur lil hinn mit-toroq. “L-infrastruttura ma tfissirx biss toroq ġodda iżda tfisser ukoll spazji li jservu lis-soċjetà u lill-komunitajiet tagħna,” saħaq il-Ministru Bonett. “Dan il-proġett f’Marsaxlokk, bħalma qed naraw f’lokalitajiet oħra bħall-Imsida, Marsaskala u Buġibba, jikkonferma l-impenn tagħna biex nirriġeneraw żoni fil-qalba tal-lokalitajiet biex noħolqu spazji aħjar fejn in-nies jistgħu jiltaqgħu u jqattgħu l-ħin tagħhom f’ambjent isbaħ u aktar sigur.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Steve Ellul qal li, “Proġetti bħal dan jeħtieġu viżjoni, ippjanar, u fuq kollox, kollaborazzjoni.” Huwa rringrazzja lill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi kif ukoll lit-tim ta’ Infrastructure Malta, lill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk, lill-komunità sportiva, u lir-residenti li kollha kellhom rwol fit-tiswir ta’ dan il-proġett.
Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll preżenti Steven Grech, Sindku ta’ Marsaxlokk.