Wednesday, December 25, 2024

Riġenerazzjoni ta’ spazju miftuħ f’Dar il-Kaptan għal aktar minn 240 persuna b’diżabilità

Aqra wkoll

Il-proġett ta’ tisbiħ u riġenerazzjoni li bħalissa għaddej f’Dar il-Kaptan, għaqda volontarja li toffri servizzi ta’ respite lil aktar minn 240 persuna b’diżabilità kif ukoll sapport lill-familjari tagħhom, dieħel fil-fażijiet finali tiegħu.

Waqt żjara li għamel lix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa u li daħlu fit-tielet u l-aħħar fażi tagħhom, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia seta’ jara l-ħidma imprezzabbli li Dar il-Kaptan twettaq ma’ persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom.

“Il-Gvern u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qegħdin inkomplu nkunu ta’ spalla għall-għaqdiet volontarji kif ukoll entitajiet oħrajn li joffru servizz imprezzabbli lis-soċjetà. Permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet ta’ tisbiħ li qed jiġu implimentati fi spazju miftuħ fl-istess Dar, se jkunu qegħdin jibbenifikaw aktar minn 240 persuna b’diżabilità. B’dawn it-tip ta’ proġetti qed inkomplu noffru kwalità ta’ ħajja aħjar liċ-ċittadini,” sostna s-Segretarju Parlamentari Farrugia.

Min-naħa tiegħu, Silvan Magro, id-Direttur għas-Servizzi Amministrattivi fi ħdan Dar il-Kaptan, enfasizza l-importanza ta’ dan il-proġett ta’ spazju miftuħ li minn spazju mitluq issa ser ikun qiegħed jinbidel għal spazju ta’ sostenn u mistrieħ għal kull persuna b’diżabilità li tibbenifika mis-servizzi ta’ Dar il-Kaptan.

Fl-ewwel fażi tal-proġett, ix-xogħlijiet kienu jinkludu l-iddisinjar mill-ġdid ta’ dan l-ispazju miftuħ. Wara din il-fażi, ġew imħawla numru ta’ siġar u arbuxelli kif ukoll tqiegħed pavimentar ġdid li jixraq mal-post, filwaqt li nħolqu passaġġi madwar l-ispazju miftuħ. Dan kollu se jiġi kkumplimentat b’għamara ta’ barra u tagħmir modern ieħor ta’ rikreazzjoni u eżerċizzju. Kienu installati lanterni ġodda b’lampi li jikkunsmaw inqas filwaqt li jdawlu aħjar il-post, kif ukoll sistema ta’ irrigazzjoni għall-pjanti u s-siġar.

Il-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ dan l-ispazju miftuħ fil-qalba ta’ Dar il-Kaptan u li qiegħed isir realtà b’investiment ta’ madwar €500,000, jifforma parti minn katina ta’ proġetti ta’ spazji miftuħa oħrajn, li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi qegħdin jaħdmu fuqhom madwar il-pajjiż.

Is-Segretarju Parlamentari kien akkumpanjat mid-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi Stephen Bonello.

Ekonomija

Sport