Saturday, July 19, 2025

Riġenerazzjoni tal-boathouse u winch ġdid f’waħda mill-iżjed żoni mfittxija f’Wied iż-Żurrieq

Aqra wkoll

Fl-aħħar xhur, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi sema’ lis-sajjieda u l-barklora li joperaw f’Wied iż-Żurrieq, żona mill-aktar imfittxija mill-Maltin u t-turisti, biex tkun riġenerata boathouse u tiġi installata winch ġdid.

Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia, flimkien ma’ Clayton D’Amato President tal-Blue Grotto Malta Boat Service, inawgura dan il-proġett.

Is-Segretarju Parlamentari Omar Farrugia qal kif il-Gvern jibqa’ kommess li jkompli  jagħmel il-ħajja tal-individwi aħjar u iżjed faċli. Kompla li meta ġie avviċinat biex isir dan il-proġett, ittieħdet azzjoni mill-ewwel biex illum Wied iż-Żurrieq għandu boathouse aħjar u winch ġdid li se jkunu ta’ għajnuna kbira għas-sajjieda u l-barklora.

“Wied iż-Żurrieq huwa post imfittex minn ħafna fin-Nofsinhar tal-pajjiż u nibqgħu impenjati illi nħarsu l-interessi ta’ dan il-post biex mill-investiment igawdu l-familji Maltin u Għawdxin,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari. 

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-barklora tal-Blue Grotto wera l-apprezzament tiegħu għal dan il-proġett, hekk kif il-winch ġdid se jagħmilha eħfef biex jittellgħu d-dgħajjes mill-baħar, speċjalment fil-maltemp, kif ukoll “boathouse aħjar biex jiġu protetti l-opri tagħna li naqilgħu l-għejxien tagħna ta’ kuljum.”

Dan ix-xogħol illi sar mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi se jkun ta’ għajnuna kbira għal dawk li jużaw id-dgħajjes f’Wied iż-Żurrieq, speċjalment is-sajjieda, kif ukoll il-barklori li jieħdu lin-nies jaraw il-veduti li joffri Wied iż-Żurrieq u l-għerien tal-madwar.

Min-naħa l-oħra, fil-boathouse sar xogħol ta’ manutenzjoni, fosthom kisi, tranġar tas-soqfa, żebgħa, kif ukoll riġenerazzjoni tal-faċċata sħiħa, liema boathouse se tkun utli fl-istaġun tax-xitwa biex id-dgħajjes ikollhom post kenni li jilqa’ għall-elementi.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport