Monday, January 19, 2026

RIĦ QAWWI LI JISTA’ JILĦAQ IL-QAWWA TA’ RIEFNU MISTENNI JONFOĦ FUQ IL-GŻEJJER MALTIN

Aqra wkoll

L-Uffiċċju Meteoroloġiku għandu fis-seħħ twissija ħamra, l-ogħla grad ta’ twissija, hekk kif ir-riħ mil-Lvant ix-Xlokk mistenni jkompli jitqawwa u jilħaq qawwa ta’ riefnu mil-lum, it-Tnejn 19 ta’ Jannar, waranofsinhar.

It-twissija tħeġġeġ lill-pubbliku biex jieħu l-prekawzjonijiet kollha neċessarji u jevita ż-żoni madwar il-kosta, fejn l-aktar jaqbel ir-riħ, jiġifieri l-kosta fin-Nofsinhar u l-Lvant tal-Gżejjer Maltin.

Dan it-temp instabbli huwa riżultat ta’ pressjoni baxxa fuq l-Alġerija li se testendi għal fuq iċ-ċentru tal-Mediterran, tintensifika u tersaq lejn it-Tuneżija, filwaqt li żona ta’ pressjoni għolja se tasal fuq il-Balkani.

L-Uffiċċju Meteoroloġiku qiegħed ibassar li l-qawwa medja tar-riħ mistennija tilħaq Forza 8 għal 9, b’buffuri tar-riħ Forza 9, fiż-żoni fejn l-aktar jaqbel ir-riħ. Dan ir-riħ, li jista’ jżid għal riefnu qawwi, mistenni jippersisti sa għada, it-Tlieta 20 ta’ Jannar, filgħaxija.

Fil-fatt, it-twissija ħamra minħabba r-riħ b’qawwa ta’ riefnu mistennija tibqa’ tiġġedded sa għada filgħaxija. Twissijiet oħra minħabba riħ qawwi, anke jekk mhux b’qawwa ta’ riefnu, mistennija jinħarġu anke fil-jiem ta’ wara.

Speċifikament għall-baħħara, l-Uffiċċju Meteoroloġiku għandu wkoll fis-seħħ twissija ħamra għall-Port il-Kbir u l-Port ta’ Marsamxett, minħabba mbatt moderat mil-Lvant għall-Grigal.

Apparti r-riħ, ħalbiet iżolati tax-xita li jistgħu jkunu qawwija u bir-ragħad huma mistennija li jolqtu l-Gżejjer Maltin mil-lejla sa nhar l-Erbgħa, 21 ta’ Jannar filgħodu. Mhux esklużi ukoll ħalbiet tas-silġ. Il-ħalbiet tax-xita mistennija li jkunu l-aktar qawwija matul il-ġurnata tat-Tlieta.

Maltempati simili mhumiex rari f’dawn iż-żminijiet. Fl-24 ta’ Frar tal-2019, maltempata simili (Grigalata) kienet laqtet lill-Gżejjer Maltin fl-24 ta’ Frar tal-2019. Anke dakinhar, ir-riħ kien laħaq qawwa ta’ Forza 8 għal 9, bid-differenza li kien nefaħ mill-Grigal. Aktar riċenti, fi Frar 2023, il-maltempata Helios kienet ukoll ikkawżat ħafna ħsara, kemm minħabba r-riħ qawwi mil-Lvant għal Grieg il-Lvant u x-xita qawwija li niżlet għal tul ta’ ħin fuq il-Gżejjer Maltin. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport