Il-ġurnata tal-lum hija dedikata biex tirrikonoxxi l-ġest nobbli ta’ persuni li minn jeddhom jagħtu d-demm. Dan il-ġest jixraqlu kull tifħir billi d-donaturi bl-għoti tagħhom tad-demm, mhux biss isalvaw il-ħajjiet imma wkoll inaqqsu mit-tbatijiet ta’ pazjenti b’mard kiefer.
Il-jum tal-14 ta’ Ġnju ta’ kull sena jiġi mfakkar madwar id-dinja kollha. Mhux biss biex ifaħħar imma wkoll biex ifakkar fil-ħtieġa li aktar persuni jersqu ‘l quddiem u jagħmlu għotja ta’ demm. Dan huwa kruċjali li jibqa’ jsir fuq bażi regolari għax il-ħtieġa għad-demm se tibqa’ dejjem hemm.
F’pajjiżna hija notevoli l-kampanja li ssir minn żmien għal żmien għal aktar għoti ta’ demm. Dan permezz tal-mobile unit li jmur minn post għall-ieħor madwar il-pajjiż biex ikun disponibbli għal min ikun irid jagħti d-demm mingħajr ma jkollu bżonn imur fiċ-Ċntru tat-Trasfużjoni tad-Demm fi Gwardamanġa.
Ta’ min ifaħħar ukoll l-inizjattivi li minn żmien għal żmien jieħdu diversi negozji privati u organizzazzjonijiet oħra li mhux biss iħeġġu imma wkoll jinċentivaw lill-impjegati jew l-imsieħba tagħhom sabiex jingħaqdu flimkien u jmorru jagħtu d-demm. Dawn l-inizjattivi, fortunatament qed narawhom jikbru fil-popolarita u fl-importanza tagħhom.
Għalhekk aħna nħossuna fid-dmir li nkomplu nħeġġu biex aktar nies, speċjalment żgħażagħ, imorru jagħtu d-demm għaliex dan huwa dejjem meħtieġ fl-isptarijiet u fil-kliniċi mediċi tagħna.
It-tema ta’ din is-sena tal-kampanja lokali għall-għoti tad-demm hija “Agħti d-demm, agħti t-tama: Flimkien insalvaw il-ħajjiet.” Din it-tema tibqa’ biss fuq il-karti jekk in-nies ma jersqux u jinjoraw l-appelli għall-għoti tad-demm.
Min-naħa l-oħra, aħna nfaħħru wkoll iċ-ċerimonja li fiha lbieraħ ingħata rikonoxximent u ringrazzjament mill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, lid-donaturi tad-demm li b’mod altruwistiku taw id-demm u salvaw il-ħajjiet. Nemmnu li kull min jagħti d-demm, anke jekk għal darba waħda biss jistħoqqlu tifħir u rikonoxximent. B’mod speċjali dawk li jagħtu d-demm b’mod regolari mingħajr ma jippretendu xejn lura.
L-għoti tad-demm uman fih innifsu mhux biss huwa ġest filantropiku nobbli minn min jagħmlu imma wkoll jagħmel ġid lil min jagħti d-demm billi jirriġenera d-demm u jħossu aktar f’siktu fiżikament kif ukoll ikun kburi li jkun donatur ta’ mezz li jsalva l-ħajjiet u li għalih ma hemm ebda prezz.