Il-ġimgħa li għaddiet dan il-ġurnal irraporta konferenza interessanti li saret f’pajjiżna dwar l-edukazzjoni bikrija fil-Finlandja. Kienet konferenza li matulha esperti Finlandiżi f’dan il-qasam kellhom l-opportunita’ li jitkellmu dwar kif dan il-pajjiż Nordiku għamel avvanzi kbar f’dan il-qasam u anki jaqsmu l-esperjenzi tagħhom ma’ edukaturi u amministraturi Maltin li jaħdmu f’dan il-livell. Matul il-konferenza ħareġ ċar li għalkemm pajjiżna fl-aħħar snin ħa inizjattivi u li waslu għal ċertu progress bħall-introduzzjoni ta’ ċentri ta’ childcare b’xejn u tibdil fil-mod kif isir it-tagħlim ma’ dawn it-tfal ta’ eta’ tenera dan xorta mhux biżżejjed.
Ħareġ ċar li waħda mid-differenzi kbar bejn iż-żewġ pajjiżi hija l-mod kif wieħed iħares lejn l-edukazzjoni bikrija. Intqal per eżempju li l-Finlandja, tant tagħti importanza lill-ewwel snin li l-edukaturi li jaħdmu f’dan il-livell huma edukaturi li studjaw sa livell ta’ Baċċellerat jew Masters, li mingħajr ħafna pressjoni t-tfal jiġu ppreparati għas-snin tal-primarja li fil-Finlandja din tibda aktar tard minn pajjiżna, meta t-tfal ikollhom seba’ snin. Min naħħa l-oħra f’Malta l-ewwel snin ta’ edukazzjoni għadhom wisq jiġu kkunsidrati s-Cinderella tas-sistema edukattiva.
Dawk li jgħallmu u jaħdmu f’dan il-livell xi kultant igawdu anqas rispett milli jgawdu oħrajn. Dan ukoll għax għadna wisq naraw dawn is-snin qishom xi snin ta’ babysitting, li kulħadd kapaċi jaħdem fihomu mhux perjodu li matulhom it-tfal għandhom jingħataw kull ċans u opportunita’ li jikbru emozzjonalmant, soċjalment u psikoloġikament.
Anki f’dak li hu risorsi umani intqal mill-edukaturi Maltin li huwa nġust per eżempju li t-tfal tal-kindergarten jiġu mċaħħda fost l-oħrajn minn lezzjonijiet tal-edukazzjoni fiżika minn edukaturi kwalifikati fis-suġġett minħabba li dawn is-snin m’humiex ikkunsidrati parti mis-snin obbligatorji tal-edukazzjoni. Mal-edukazzjoni fiżika nistgħu nżidu suġġetti u esperjenzi oħra li dawn it-tfal jiġu mċaħħdin minnhom.
Nafu li fix-xhur li ġejjin il-gvern u l-union tal-għalliema se jkunu qiegħed jinnegozjaw ftehim kollettiv ġdid. Wara dak li smajna nappellaw lil kull min hu involut fin-negozjati biex is-snin bikrin jagħtihom ukoll l-importanza li ħaqqhom.