Is-Sur Vincent Gauci u l-Perit Godwin Cassar huma r-rebbieħa tas-sitt edizzjoni tal-Premju Buonamico taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta.
Dan il-premju annwali, organizzat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, jirrikonoxxi l-kontibut siewi ta’ persuni favur il-bijodiversità u l-ambjent.
Fid-diskors tiegħu waqt l-għoti tal-premjijiet, il-President George Vella stqarr li l-armonija, ir-rispett, u l-għożża għandhom ikunu muturi li jixprunawna lejn il-ġejjieni. Qal li minn lenti aktar wiesgħa, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi mhux biss taħdem bħala regolatur, iżda hija direttament involuta fl-armonija li nixtiequ naraw, u fir-rispett u l-għożża li għandu jkollna lejn il-gżejjer Maltin. “Dawn ir-rwoli huma mhux biss ċentrali minn perspettiva infrastrutturali, iżda huma fundamentali fil-promozzjoni tal-kwalità tal-ħajja, l-istat tas-saħħa mentali tal-poplu, u l-għaqda nazzjonali,” żied jgħid il-President.
L-armonija, ir-rispett, u l-għożża huma tliet kwalitajiet li l-President qal għadhom inebbħu l-professjonalità tas-Sur Gauci u tal-Perit Cassar, li matul is-snin kienu strumentali biex pajjiżna jkun aktar parteċipi fl-isfidi marbuta mal-klima u l-ambjent. Il-President żied li stejjer bħal tas-Sur Gauci u l-Perit Cassar jagħtu xaqq ta’ tama favur ambjent u kwalità ta’ ħajja aħjar. “Ix-xogħol tal-professjonist fil-qasam ambjentali, b’differenza għal dik tal-politika, ħafna drabi jsir fis-skiet, u huma ftit l-opportunitajiet fejn il-poplu jkun jista’ japprezza l-importanza tar-riċerka u s-snin twal ta’ ħidma li tkun saret f’dan il-qasam,” qal il-President Vella.
Il-President temm id-diskors tiegħu billi feraħ lis-Sur Gauci u lill-Perit Cassar għall-kontribut mhux żgħir li taw lill-poplu Malti, u rringrazzja lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi tal-ħidma tagħhom lejn ambjent u ħajja aħjar għall-poplu Malti u Għawdxi.