Wednesday, June 25, 2025

Rikonoxxuti numru ta’ bdiewa u raħħala għax-xogħol tagħhom fis-settur 

Aqra wkoll

Taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, u fil-preżenza tal-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, infetħet il-wirja annwali tal-Imnarja. Il-ftuħ tal-wirja, li tiffoka fuq il-mogħża Maltija, sar fil-Kastell Verdala. Matul dan l-avveniment ġew rikonoxxuti numru ta’ ħaddiema fis-settur.

Dan l-avveniment annwali jiċċelebra l-wirt agrikolu ta’ Malta u jirrikonoxxi l-ħidma u d-dedikazzjoni tal-bdiewa, produtturi u dawk li bdew il-ħidma fis-settur. Matul din il-lejla, ġew ippreżentati diversi premjijiet lil individwi u familji li wrew eċċellenza u innovazzjoni fl-oqsma agrikoli rispettivi tagħhom. 

F’diskors li għamlet, il-President Myriam Spiteri Debono aċċennat għall-valur uniku tal-prodott Malti, frott ix-xogħol iebes, dedikazzjoni u l-imħabba tal-bdiewa u r-raħħala. Waqt li appellat biex il-bdiewa u r-raħħala Maltin ikomplu jiġu sostnuti, biex ikomplu jipproduċu b’mod sostenibbli u jikkompetu fis-suq, il-President fakkret li l-prodott lokali jikkontribwixxi biex nikkunsmaw ikel aktar b’saħħtu u ta’ kwalità, fl-istess waqt li jkunu ppreservati t-tradizzjonijiet agrikoli, li jiffurmaw l-identità kulturali tagħna.

Il-Ministru Anton Refalo tenna li dawn il-premjijiet għandhom l-għan li jħeġġu l-investiment kontinwu, l-innovazzjoni u prattiki sostenibbli fis-setturi tal-agrikoltura u tat-trobbija tal-annimali f’Malta. L-avveniment enfasizza wkoll l-impenn kontinwu tal-Ministeru biex jappoġġja lill-bdiewa lokali u jiżgura l-futur tal-agrikoltura tradizzjonali Maltija.

“Din il-wirja mhijiex sempliċiment esibizzjoni – hija ġieħ lil dawk ir-raħħala li għal ġenerazzjonijiet għaddew l-għarfien b’dedikazzjoni kbira. Hija wkoll opportunità edukattiva, speċjalment għaż-żgħażagħ, sabiex jitgħallmu dwar l-importanza tal-biedja sostenibbli u tal-bhejjem indiġeni. Kommessi li nkomplu noffru appoġġ lil dawk li jrabbu l-mogħża Maltija, permezz ta’ skemi, riċerka u kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet rilevanti. L-għan tagħna hu li naraw din ir-razza terġa’ tikber u tiġi apprezzata għal dak li verament hi, ġawhra ta’ pajjiżna,” temm jgħid il-Ministru Refalo.

Il-premjijiet mogħtija kienu kif ġej: 

·       Premju għall-Produttività fil-Frott u l-Ħxejjex – Edward Bezzina, li d-dedikazzjoni, l-innovazzjoni u l-impenn tiegħu wasslu għal żieda notevoli fil-produzzjoni u l-effiċjenza tal-operat tiegħu fl-agrikoltura. 

·       Premju għal Bidwi Ġdid bil-Frott u l-Ħxejjex – Clive Sant, li minkejja li huwa ġdid fl-industrija, wera malajr ħiliet impressjonanti, entużjażmu u b’hekk wera potenzjal kbir u dedikazzjoni fis-settur tal-biedja tal-frott u l-ħxejjex. 

·       Premju għall-Produttività fl-Annimali Kbar – Frankie u Sean Cauchi. Huma żiedu n-numru ta’ makkinarju għall-qtugħ minn 28 fl-2023 għal 59 fl-2024, u b’hekk kisbu żieda ta’ 111%. 

·       Premju għall-Produttività ta’ Annimali Żgħar tar-Razzett – Raymond Schembri, bħala kategorija kellu żieda tal-ammonti ta’ fniek imrobbija u beda wkoll juża l-faċilità ta’ biċċerija ġdida.

·       Premju għall-Produttività fil-Ħalib u/jew Bajd – Angelo Bilocca, ġie nominat għall-kwalità eċċellenti tal-ħalib prodott min-nagħaġ u anki għall-effiċjenza tal-produzzjoni.

·       Raħħal Ġdid fil-Produzzjoni tal-Laħam – Leli Spiteri, Angelico Spiteri u Christian Farrugia. Ir-razzett inkwistjoni kien waqaf il-produzzjoni għal numru ta’ snin. Fl-2024, madankollu, flimkien mal-ġenerazzjonijiet iżgħar tal-familja tiegħu, reġa’ beda l-produzzjoni billi daħal fit-trobbija tal-bhejjem għal-laħam u fil-produzzjoni tal-annimali żgħar li jirgħu. B’hekk kisbu żieda fil-produzzjoni ta’ 17.5 LU (15 baqra u 2.5 annimali żgħar li jirgħu). 

·       L-Aqwa Razzett Sostenibbli – Isaac Sciberras, bidwi żagħżugħ li qed jingħadda l-immaniġġjar tar-razzett mingħand missieru. Dan huwa razzett iċċertifikat organiku li fih jitkabbru numru ta’ frott u ħxejjex u jitrabbew annimali bħal nagħaġ. Isaac qiegħed ukoll jagħmel użu minn fondi Ewropej biex ikompli jinvesti fir-razzett tiegħu sabiex isir wieħed aktar sostenibbli.

F’din is-serata ġie rikonoxxut ukoll Joseph Muscat magħruf bħala Ġużu tal-Beżuża, wieħed mill-aħħar kustodji tal-mogħża Maltija u li ħalla wirt intanġibbli li baqa’ jgħożż tul ħajtu kollha.  

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport