Iċ-ċkejken li sofra paraliżi parzjali wara li ntlaqat minn tir waqt l-attakk li seħħ fil-parata f’Highland Park fl-4 ta’ Lulju li għadda rritorna d-dar wara xahrejn u nofs rikoverat fi sptar.
Cooper Roberts, l-iżgħar vittma tal-isparatura tal-massa f’Illinois, seta’ jirritorna ma’ familtu wara numru ta’ operazzjonijiet u ġimgħat ta’ tbatija bil-qraba stess jistaqsu diversi mistoqsijiet rigward għalfejn iċ-ċkejken kellu jgħaddi minn daqstant agunija.
Iċ-ċkejken sofra ħsara permanenti fl-ispina u konsegwentament spiċċa paralizzat minn qaddu ’l isfel.
Minkejja l-aħbar daqstant pożittiva, il-ġenituri tat-tifel qalu li ħajtu mill-ġdid id-dar se tfisser sfidi ġodda anke minħabba l-fatt li waħdu se jibda jinduna x’tilef mill-mument li safa milqut.
Il-ġenituri ddeskrivew lil binhom bħala sportiv u li minkejja li mhux se jkun possibbli li jkompli bħal qabel, diġà beda jipprattika tennis minn fuq is-siġġu tar-roti.
Cooper huwa l-iżgħar fost it-48 persuna li sfaw midrubin fl-attakk. Seba’ persuni oħra mietu kawża ta’ ġrieħi li sofrew.