Jum is-Sette Giugno jimmarka mument glorjuż fl-istorja ta’ pajjiżna. Kien jum li wera li l-poplu Malti jaf kif jerfa’ rasu, irabbi l-kuraġġ u jqum biex jiġġieled għal drittijietu, biex jiġġieled għal għajxien tiegħu stess.
Kien dan il-jum ukoll li beda t-triq li wasslet lill-pajjiżna sabiex bil-mod il-mod jibda jiddeċiedi hu għalih innifsu anki jekk kellhom jgħaddu għexieren ta’ snin biex dan l-iżvilupp politiku jitwettaq fit-totalità u l-kumplessità tiegħu.
B’riħet is-Sette Giugno, ftit iktar minn mitt sena ilu pajjiżna ngħata d-dritt li jmexxi hu stess id-destin domestiku tiegħu anki jekk dak id-dritt dakinhar kien magħġun b’ħafna limitazzjonijiet imposti fuqna minn pajjiż li kien jikkolonizzana. Ma nistgħux imma ma nirrikonoxxux illi l-irvellijiet tas-7 ta’ Ġunju 1919 kienu li wittew it-triq biex Malta jkollha l-parlament tagħha.
Mal-milja tas-snin, il-Parlament tagħna għadda minn bosta żviluppi u mexxa ‘l quddiem bosta esperjenzi kostituzzjonali li għaddiet minnhom Malta speċjalment matul is-seklu li għadda.
Għalkemm illum nistgħu niftaħru li għandna demokrazija parlamentari b’saħħitha u li taħdem, b’danakollu imma nifhmu wkoll li d-demokrazija jista’ jkollha l-limitazzjonijiet tagħha. Għax id-demokrazija ma tfissirx li hi xi għodda biex kulħadd jgħid li jrid fuq xhiex irid u fuq min irid bla ma jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dak li jkun qal.
Irridu nammettu li l-privileġġ parlamentari huwa kontroversjali minħabba l-potenzjal tiegħu għall-abbuż; membru jista’ juża l-privileġġ biex jagħmel allegazzjonijiet ta’ ħsara li normalment ikunu skoraġġuti minn liġijiet ta’ malafama, kemm jekk dawk l-allegazzjonijiet għandhom bażi soda jew le.
U huwa f’dan il-kuntest li nistqarru li l-privileġġ parlamentari f’pajjiżna kien hemm okkażjonijiet fejn ġie abbużat għax kien użat ‘l barra mill-iskop li nħoloq għalih. Għalhekk kien floku dak li reġa tenna u ddikjara Mr Speaker, Dr Anġlu Farrugia illi wasal iż-żmien li kull ċittadin ikollu d-dritt għar-rimedju. Id-dritt li jirrispondi għal dak li jkun intqal dwaru fl-ogħla istitużżjoni tal-pajjiż.
Ma rridux ninftehmu li aħna, b’xi mod, kontra l-privileġġ parlamentari imma mill-banda l-oħra lanqas nistgħu inkunu favur li persuna, għax tkun ġiet eletta membru tal-parlament, tibda taħseb li issa, li tgawdi mill-immunità parlamentari, hija meħlusa mir-responsabbiltà kollha ta’ għemilha.
Fuq kollox, il-parlament jirrappreżenta direttament lill-poplu u r-rappreżentanti tal-poplu f’parlament leġiżlattiv qegħdin hemm biex jagħmlu l-liġijiet u jieħdu dawk id-deċiżjonijiet meħtieġa għall-pajjiż.