B’investiment ta’ ftit aktar minn €2 miljun, qed isir rinnovar u modernizzar estensiv fl-Iskola Primarja Adrian Borg Birkirkara, li tinsab fi Triq Psaila. Dan l-investiment huwa parti mill-EDU Infrastructure Programme li b’mod komprensiv se jara €91 miljun investiment fl-infrastruttura edukattiva fuq 100 skola fuq perjodu ta’ 13-il sena.
Dan il-programm tnieda f’Jannar li għadda, filwaqt li f’April kien tnieda wkoll ix-xogħol estensiv li se jibda fl-iskola ta’ Birkirkara, li huwa parti minn dan il-programm. Ix-xogħol li qed isir fl-Iskola Primarja Adrian Borg qed isir biex fil-bidu tas-sena skolastika li ġejja jilqa’ l-istudenti u l-edukaturi tas-snin 2,3,4,5 u 6 mill-iskola ta’ Birkirkara, sakemm jitlesta r-rinnovar u l-immodernizzar fl-iskola ta’ Birkirkara.
Dalgħodu waqt li kien qed iżur il-proġett tal-Iskola Primarja Adrian Borg Birkirkara, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima ra l-ħidma li għaddejja biex din l-iskola mhux biss tkun rinnovata u modernizzata, imma parti mill-proġett huwa li l-iskola tiġi aċċessibbli għal kulħadd, b’xogħol li jippromwovi s-sostenibbiltà, billi qed ikunu integrati sistemi effiċjenti fl-użu tal-enerġija u materjal ambjentalment sostenibbli.
Il-Ministru Grima tenna li dawn il-proġetti huma ambizzjużi. “Permezz ta’ dawn il-proġetti mhux biss qed inwettqu ħidma b’investiment qawwi fl-infrastruttura edukattiva, imma wkoll qed ninvestu dirett fl-istudenti u l-edukaturi. Qed naraw li l-iskejjel tagħna jkollhom ambjent xieraq, ambjent modern li jixraq u wkoll, bħalma tgħid l-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni, dan ix-xogħol jirrispetta u jħares il-benesseri tal-persuna”.
Bl-investiment li qed isir fl-Iskola Primarja Adrian Borg Birkirkara, il-bini litteralment inġieb ġebel u saqaf biex b’hekk l-iskola se jkollha sistemi ġodda ta’ servizzi u faċilitajiet sanitarji. Parti mix-xogħol kien jikkonsisti wkoll f’żieda ta’ klassijiet u sala, installazzjoni ta’ twieqi ġodda double glazing fil-kmamar kollha. Se jiġu installati s-sistemi biex l-iskola tkun konformi mas-Sustainable Development Goals (Agenda 2030) u jkomplu jintlaħqu wkoll il-miri tal-manifest tal-Gvern ta’ ambjent sostenibbli.
Kull xogħol li sar u li se jsir se jkun ukoll konformi mal-Equal Opportunities Act biex ikun hemm aċċessibilità għal kulħadd, filwaqt li qed issir ukoll installazzjoni tas-sistema ta’ kontra n-nar biex l-iskola tkun konformi mal-leġiżlazzjoni tas-saħħa u sigurtà. Għaddej ukoll xogħol fuq l-installazzjoni ta’ lift ġdid biex is-sulari jkunu aċċessibbli għal kulħadd. L-iskola se tkun mgħammra wkoll b’għamara ġdida.
L-Iskola Primarja Adrian Borg Birkirkara se tkun lesta biex fis-sena skolastika li jmiss tilqa’ 451 student u l-edukaturi tagħhom.
Il-Ministru Grima qal li l-EDU Infrastructure Programme huwa pilastru ewlieni tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Edukazzjoni. “Ix-xogħol li qed isir huwa perkors sħiħ li se jara l-iskejjel tagħna jiġu trasformati mhux biss biex jilqgħu għall-bżonnijiet tal-lum, imma wkoll biex inħarsu l-benesseri tal-persuna, u għalhekk verament inpoġġu l-persuna fiċ-ċentru,” qal il-Ministru Grima.