Sunday, November 24, 2024

Rispons qawwi għas-sistema ta’ appuntamenti tal-Uffiċċju tal-Passaporti

Talba għal aktar minn 3,500 appuntament fi żmien xahar

Aqra wkoll

L-Aġenzija Identity Malta rreġistrat rispons qawwi għas-sistema tal-appuntamenti li nediet dan l-aħħar. F’temp ta’ xahar kienu rreġistrati aktar minn 3,500 appuntament għal servizzi relatati mal-Uffiċċju tal-Passaporti.   

Bil-għan li l-klijent jinqeda fi żmien qasir, b’mod effiċjenti u konvenjenti, l-Aġenzija Identity Malta nediet sistema ta’ appuntamenti online, sabiex kwalunkwe applikant ikun jista’ jirriserva ġurnata u ħin li fihom ikun jinqeda bis-servizz meħtieġ. Minn dakinhar li din l-iskema kienet introdotta sal-lum fl-Uffiċċju tal-Passaporti daħlu aktar minn 2,500 talba għal appuntament biex ikunu sottomessi l-applikazzjonijiet, u aktar minn elf talba għal ġbir tad-dokument.

L-Aġenzija Identity Malta qed tagħmel enfasi qawwija fuq il-ħtiġijiet tal-klijenti varji tagħha, u tara li dawn il-bżonnijiet ikunu ndirizzati bl-aktar mod effiċjenti. 

Is-sistema tar-riserva tal-appuntamenti online mnedija dan l-aħħar mill-Uffiċċju tal-Passaporti toffri għażliet differenti li minnhom l-applikant ikun jista’ jagħżel. Permezz ta’ din is-sistema applikant jista’ jagħżel li jagħmel appuntament individwali, kif ukoll fi gruppi, bħal pereżempju, f’każ li aktar minn membru ta’ familja wieħed ikun jinħtieġ li japplika għal passaport ġdid. La darba l-appuntament ikun stabbilit, l-applikant se jkun infurmat bid-dokumenti li jkun irid iġib miegħu dakinhar tal-appuntament. Permezz ta’ din is-sistema, kemm l-applikant kif ukoll id-dipartiment ikun jista’ jippjana minn qabel il-ħin allokat għas-sottomissjoni ta’ tali applikazzjoni. Dan huwa ta’ benefiċċju kemm għall-applikant, li ma jaħlix ħin jistenna wara applikanti oħra,  kif ukoll għall-Uffiċċju tal-Passaporti li jagħmel ċert li jkun f’pożizzjoni li jilqa’ għad-domanda mitluba. 

Hekk kif ir-restrizzjonijiet b’rabta mal-ivvjaġġar issa kważi tneħħew kollha, l-Uffiċċju tal-Passaporti qed jesperjenza żieda qawwija fit-talba għall-ħruġ ta’ passaporti ġodda. Għal darb’oħra, bil-ħsieb li l-klijenti jinqdew bl-aktar mod effiċjenti, l-Uffiċċju tal-Passaporti qed jestendi anke l-ħinijiet tal-ftuħ, fil-ħinijiet ta’ wara nofsinhar. Apparti nhar ta’ Erbgħa u nhar ta’ Sibt, l-Uffiċċju tal-Passaporti qed jiftaħ ukoll kull nhar ta’ Tnejn u l-Ġimgħa bejn it-tlieta ta’ wara nofsinhar u s-sitta ta’ filgħaxija. Dawn il-ħinijiet ġodda qegħdin jagħtu l-opportunità sabiex applikanti li jaħdmu jew li għandhom tfal li jmorru l-iskola jinqdew f’ħinijiet komdi għalihom.  

L-Aġenzija Identity Malta bħalissa qed tippjana li fil-ġimgħat li ġejjin tkompli testendi s-sistema ta’ appuntamenti online fuq numru ta’ servizzi essenzjali oħra illi toffri. 

Sport