Wednesday, January 21, 2026

RISPONS SIGUR U EFFETTIV WAQT IL-MALTEMP

Aqra wkoll

Il-maltemp qawwi li ħakem il-gżejjer Maltin f’dawn il-jiem ħalla l-effetti tiegħu, bir-riħ jitqawwa għal forza ta’ riefnu li kompla jippersisti anke matul il-jum tal-bieraħ. Dak li għadda minnu pajjizna fl-aħħar sigħat, fejn anke nħarġet twissija ħamra – l-ogħla grad ta’ twissija – kien jitlob kawtela u attenzjoni minn kulħadd.

Kien għalhekk f’waqtu u floku li l-Gvern daħħal miżuri prekawzjonarji biex jilħqu kemm jista’ jkun għat-temp estrem, b’mod partikolari fejn jidħlu l-iskejjel u s-sospensjoni tas-servizz tal-vjaġġi bejn Malta u Għawdex. Saru wkoll appelli biex fejn possibbli, il-ħaddiema jaħdmu b’mod remot, minn darhom biex jiġi  jevitat xogħol fuq barra. Saru appelli wkoll biex jiġu evitati żoni madwar il-kosta.

L-appelli li saru, anke mill-Forzi tal-Ordni, kienu sabiex ma jittiħdux riskji żejda u b’hekk jiġu evitati inċidenti. U la semmejna l-Forzi tal-Ordni, irridu ninnutaw il-ħidma tagħhom, kemm billejl kif ukoll matul il-jum tal-bieraħ, biex jitneħħa kwalunkwe periklu jew ostaklu li seta’ kien hemm fit-toroq Maltin u Għawdxin. Dan għamluh mingħajr biża’ f’kundizzjonijiet ta’ temp qalil. 

Is-sejħiet għall-assistenza kienu diversi u ma waqfu xejn. Minn siġar imqaċċtin għal tneħħija ta’ debris, billboards perikolużi, fuel spills u numru ta’ ħruq f’karozzi u oħrajn marbuta ma’ skart. F’ċirkostanzi bħal dawn, il-koperazzjoni bejn l-entitajiet kollha kienet u hi kruċjali. 

Fuq quddiem nett il-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li taw il-massimu tagħhom kull fejn kien hemm bżonn, f’xi waqtiet anki f’assistenza konġunta mal-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta. Min-naħa l-oħra, il-Korp tal-Pulizija kien ippreparat sew tant li ddaħħlu jaħdmu aktar uffiċjali mis-soltu, f’pożizzjonijiet strateġiċi biex jassistu bl-aħjar mod. 

Għalhekk, minn dawn il-kolonni ma nistgħux ma nfahhrux il-ħidma ta’ dawn l-uffiċjali kollha, li minkejja l-kundizzjonijiet ħziena tat-temp u d-diffikultajiet kollha li setgħu ffaċċjaw, kienu hemm lesti biex jiggwidaw, jassistu u jintervjenu fejn kien hemm bżonn. B’din il-kollaborazzjoni essenzjali kien żgurat rispons ta’ emerġenza sigur u effettiv. 

Ghalhekk ukoll, ix-xogħol ta’ dawn in-nies għandu jkun apprezzat minn kulħadd, iktar u iktar meta xogħolhom iwettquh b’sogru għal ħajjithom u saħħithom stess. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport