Kważi terz tal-istabbilimenti tal-catering f’pajjiżna (32.7%) baqgħu fejn kienu f’dak li hu bejgħ u dħul mill-attività kummerċjali tagħhom fl-aħħar sitt xhur tas-sena li għaddiet. Din iċ-ċifra hija 4.9% aktar mis-sitt xhur ta’ qabel, u meta pparagunat mal-2023.

Dan ħareġ minn studju li sar mill-Prof. Vincent Marmarà dwar l-istabbilimenti tal-catering f’Malta, li jkopri l-perjodu Lulju – Diċembru 2024. L-istudju, li kien ikkummissjonat mill-Assoċjazzjoni tal-Istabbilimenti tal-Catering (ACE), sar fost 250 persuna li bejniethom kellhom total ta’ 370 stabbiliment tal-catering.
Bħala medja, dawn l-istabbilimenti raw tnaqqis ta’ 0.6% fil-bejgħ u d-dħul tagħhom f’dan l-istess perjodu. Mistoqsija x’jaħsbu dwar l-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, 51% qed ibassru li se jkollhom tnaqqis fid-dħul tagħhom filwaqt li 38% qed jistennew li l-bejgħ tagħhom jiżdied.

L-istess stabbilimenti sostnew li bħala medja raw tnaqqis ta’ 1.2% fil-profitti tagħhom, mentri bejn Jannar u Lulju 2024 it-tnaqqis medju fil-profitt kien ta’ 3%.
Bħala medja, il-klijenti nefqu €22.74ċ għal kull darba li marru fi stabbiliment tal-catering bejn Lulju u Diċembru 2024. Min-naħa l-oħra, bejn Jannar u Ġunju 2024, kien hemm it-tendenza li l-konsumaturi jonfqu aktar.
Mistoqsijin jekk kinux investew fl-operat tagħhom fl-aħħar 12-il xahar kważi 58% ta’ dak li wieġbu f’dan l-istħarriġ qalu ‘Iva’ filwaqt li l-kumplament qalu li ‘Le’. Dan il-perċentwal kien viċin ħafna ta’ dak li kien reġistrat fis-sitt xhur ta’ qabel. L-aktar li qalu li investew kienu s-sidien ta’ ristoranti fine dining.
L-istudju jindika wkoll bidla fil-mod ta’ kif iħallsu l-Maltin għas-servizzi li jingħataw. Fil-każ tal-istabbilimenti tal-catering, irriżulta minn dan l-istħarriġ li 69.4% tal-konsumaturi jħallsu bil-credit card u mhux bi flus kontanti.
Irriżulta wkoll illi l-maġġoranza tal-klijenti li jmorru jieklu f’xi ristorant huma Maltin (64.4%) filwaqt li 35.6% huma turisti jew barranin.
Mitluba jindikaw xi sfidi jaħsbu li se jiffaċċjaw fix-xhur li ġejjin, dawn wieġbu li l-iskills pass u l-impatt tagħha fuq l-istaff hija l-aktar ta’ sfida għalihom filwaqt li l-inqas sfida hija l-kompetizzjoni minn stabbilimenti tal-catering oħra.
“Li jkollok stabbiliment tal-catering hi passjoni” – Michelle Muscat, il-President tal-ACE

F’diskors li għamlet f’konferenza li fiha tħabbru r-riżultati ta’ dan l-istudju, il-President tal-ACE Michelle Muscat fissret illi jkollok stabbiliment tal-catering ma jfissirx biss negozju imma hija wkoll passjoni. Qalet li l-Gvern dejjem appoġġja lil din l-industrija fejn kienet tkun f’sitwazzjoni ħafna agħar li kieku ma sarux interventi fosthom fi żmien il-pandemija bil-Covid Wage Supplement u anke bis-sussidji fil-prezzijiet tal-enerġija u l-għajnuna mogħtija minħabba l-inflazzjoni.
Is-Sinjura Muscat qalet iżda illi l-industrija qiegħda taffaċċja diversi sfidi u għalhekk il-ħidma għandha tiffoka sabiex tkun assigurata s-sostenibbilità tal-operaturi kollha fl-industrija tal-catering. Enfasizzat ukoll l-isforz kollettiv għal aktar diskussjonijiet f’dan is-settur li jservu għat-tul ta’ żmien.
“L-ACE strumentali fis-settur tal-catering f’Malta” – id-Deputat Prim Ministru Ian Borg

Indirizza wkoll lil dawk preżenti d-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg li saħaq li sa mit-twaqqif tagħha fl-2019, l-ACE kienet strumentali fis-settur tal-catering f’Malta. Huwa saħaq illi l-għarfien tax-xejriet industrijali, l-isfidi u l-opportunitajiet huma essenzjali biex tiġi assigurat r-reżiljenza u l-kompetittività tas-settur.
Id-Deputat Prim Ministru qal li l-industrija tal-catering mhux biss hi settur tan-negozju imma wieħed mill-pilastri tal-ekonomija Maltija u mutur ewlieni għas-settur turistiku f’pajjiżna. Din l-industrija tħaddem ’il fuq minn 10,000 persuna u b’hekk qed tikkontribwixxi b’mod sostanzjali lejn il-Prodott Gross Domestiku, fl-istess waqt li qed tipproteġi l-ikel tradizzjonali Malti.
Filwaqt li qal li għandna niċċelebraw ir-reżiljenza tas-settur, id-Deputat Prim Ministru sostna li rridu nindirizzaw l-isfidi li għandna quddiemna. Strateġija komprensiva fuq kollox teħtieġ li jiġu indirizzati kwstjonijiet bħalma huma riforma regolatorja, l-iżvilupp tal-forza tax-xogħol u l-effiċjenza li jaħdem biha s-settur.
Huwa qal ukoll li f’suq mill-aktar kompetittiv, it-trasformazzjoni diġitali m’għadhiex aktar għażla imma neċessità. “In-negozji li jintegraw teknoloġiji diġitali jistgħu jimbuttaw ’il quddiem l-effiċjenza u l-profitabilità filwaqt li jilħqu l-aspettattivi tal-klijenti. Fl-istess ħin, is-sostenibilità għandha tibqa’ prijorità ewlenija,” temm jgħid id-Deputat Prim Ministru.
Sadanittant, fl-istess konferenza ttella’ wkoll panel ta’ diskussjoni fejn ġew diskussi r-riżultati tal-istudju tal-Prof. Marmarà. Ħadu sehem f’dan il-panel Matthew Pace – intraprenditur, Silvan Mifsud – Membru tal-Kunsill tal-Kamra tal-Kummerċ u Direttur ta’ EMCS, Alan Abela – Tax Partner – Crowe Horwath u Christina Galea – Direttriċi tal-HR. CPHCL Corinthia Group.