Saturday, November 23, 2024

Ristoranti u hairdressers fost dawk li se jiftħu mill-ġdid minn nhar il-Ġimgħa hekk kif jittaffew miżuri kontra l-Covid-19

Aqra wkoll

Hekk kif mistenni, il-Gvern ħabbar li minn nhar il-Ġimgħa li ġej se jkunu qed jitneħħew aktar miżuri li ddaħħlu fis-seħħ biex tiġi kkontrollata l-pandemija tal-Covid-19.

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci, ġie mħabbar li minn nhar il-Ġimgħa se jkunu qed: 

  • jiżdiedu s-servizzi tas-saħħa li mhumiex marbutin mal-coronavirus
  • żieda fil-kura primarja fejn se jkunu qed jinfetħu id-diabethic clinics, kliniċi tal-kardjoloġija, il-well baby clinics
  • jinfetħu mill-ġdid numru ta’ bereġ
  • żieda fil-kura tas-saħħa mentali
  • żieda fil-kliniċi tal-out-patients fl-Isptar Mater Dei
  • żieda fl-imaging – X-Rays, ultrasound, CT Scans, u MRIs
  • operazzjonijiet tal-ortopedija, tal-għajnejn, ginekoloġija, servizz tal-IVF
  • gruppi massimi ta’ sitt persuni
  • ċinemas fil-beraħ
  • sports individwali mingħajr kuntatt bejn persuna u oħra
  • taħriġ sportiv ta’ massimu ta’ sitt persuni
  • jerġgħu jibdew jiżvolġu il-quddies tal-funerali
  • jinfetħu mill-ġdid ir-ristoranti fost ċerti restrizzjonijiet
  • jinfetħu mill-ġdid il-hairdressers, barbiera, nail technicians u beauticians fost restrizzjonijiet

Il-Prim Ministru Abela tenna li jinsab kburi li llum il-pajjiżjista’ jiċċelebra b’mod kawt is-suċċess miksub fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-Covid-9. Huwa tenna li pajjiżna ma qagħadx jistenna lill-pandemija tasal f’pajjiżna iżda aġixxa qabel.

Huwa tenna li l-akbar sens ta’ sodisfazzjon huwa li l-miżuri mħabbrin illum mhux se jkunu kompromess fejn il-Gvern se jkun qed jagħżel bejn ekonomija u saħħa.

“Irbaħna wisq biex nieħdu deċiżjonijiet li jikkompromettu dak li nkiseb mis-7 ta’ Marzu ’l hawn,” tenna l-Prim Ministru.

Huwa żied jgħid li f’dan l-istadju ma jkunx jagħmel sens li l-Gvern iħalli pajjiż magħluq. “Irridu nħallu lin-nies jgħixu,” tenna l-Prim Ministru.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne għamel referenza għal dak li pajjiżi u bliet barranin kellhom jesperjenza kaġun tal-Covid-19, fejn is-sistemi tas-saħħa tagħhom ma bdewx ilaħħqu man-numru kbir ta’ każijiet li kienu qed jesperjenzaw.

“Dan pajjiżna ma esperjenzahiex,” tenna d-Deputat Prim Ministru.

Fl-istess waqt huwa żied jgħid li kull ġurnata li tgħaddi, bl-ekonomija wieqfa, hija ġurnata li qed tpoġġi fil-periklu negozji u impjiegi.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubbliku Charmaine Gauci saħqet li pajjiżna bħalissa jinsab f’perjodu ta’ transizzjoni. B’referenza għall-miżuri li se jkunu qed jitneħħew minn nhar il-Ġimgħa li ġej, hija saħqet dwar l-importanza li l-aspett tas-social distancing u ċerti restrizzjonijiet xorta jibqgħu fis-seħħ u jibqgħu jiġu osservati mill-poplu.

Fost oħrajn għamlet referenza għall-ħtieġa ta’ distanza ta’ żewġ metri bejn siġġijiet fi ħwienet ta’ hairdressers, barbiera, nail technicians u beauticians. Fl-istess waqt qalet li f’dawk iċ-ċirkostanzi fejn il-ħanut ma jippermettix tali distanza allura għandhom jiġu installati perspex screens.

Tenniet li d-distanza ta’ żewġ metri tapplika wkoll għal bajjiet pubbliċi.

B’referenza għal swimming pools pubbliċi, il-Professur Gauci tenniet li dawn jistgħu jerġgħu jinfetħu, madankollu n-numru ta’ persuni li jistgħu jilqgħu se jkun imnaqqas bin-nofs.

Hija qalet li lukandi wkoll jistgħu jitħallew jinfetħu dejjem fid-dawl li l-protokolli ta’ social distancing jibqgħu jiġu osservati. Madankollu l-ajruport se jkun qed jibqa’ magħluq.

Sport