Rita Pace, kantawtriċi magħrufa għall-kuraġġ tagħha li tmiss temi diffiċli b’ċerta satira u mħabba lejn il-kelma, rebħet id-49 edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta oriġinali tagħha “Narakom l-Infern”, b’mużika ta’ Augusto Cardinali. Dan ir-rebħ ikkonfermatha bħala waħda mill-iżjed vuċijiet awtentiċi fix-xena mużikali Maltija, vuċi li tisma’ lill-poplu u titkellem fuq kollox miegħu.

Il-kanzunetta titkellem dwar il-kwalità ta’ ħajja li qed ngħixu u kif ġieli nħabbtu wiċċna ma’ affarijiet u nies li jaffettwaw is-saħħa mentali u l-burdata tagħna. Kultant tant taqbiżilna li nispiċċaw ngħidu affarijiet li jitilfulna ruħna u nistgħu nispiċċaw l-infern minħabba xi ħadd u nerġgħu nsibuh ma’ wiċċna hemm.
F’kummenti ma’ dan il-ġurnal, Rita Pace qalet li “Narakom l-Infern” hi aktar minn kanzunetta; hija manifest. Manifest ta’ rabja u frustrazzjoni, imma wkoll ta’ tama u tolleranza. Rita tistieden lill-poplu biex ma jaqtax qalbu, biex jieħu ħsieb is-saħħa mentali tiegħu u biex jiġġieled kontra soċjetà li xi drabi “tgħaffeġ”.
Tiddeskrivi l-kanzunetta bħala “kummiedja inqas divina minn ta’ Dante”, fejn kulħadd qed jipprova jsib bilanċ f’dinja ta’ estremi. U l-għan hu wieħed: li niftħu għajnejna u nindunaw kemm hawn min hu vulnerabbli u għaddej minn xi ħaġa, imma għadu qed iżomm wieqaf.
Waqt l-intervista, semmiet kif għaddiet minn perjodu personali diffiċli wara t-telfa ta’ missierha u l-uġigħ li ħasset biddlitu f’ispirazzjoni. Minkejja kollox hi dejjem sabet is-saħħa fil-mużika kemm permezz tal-kitba tagħha kif ukoll il-kant. “Missieri kien iċempilli qabel inkanta. Dik kienet rutina li kienet timlili qalbi. Meta miet ħassejtni vojta. U meta kelli nkanta ‘Narakom l-Infern’ bkejt għax f’dik il-lejla, in-nuqqas tiegħu ħassejtu aktar.”
Il-kanzunetta għalhekk mhux biss toħroġ minn osservazzjoni soċjali, iżda wkoll minn esperjenza emozzjonali vera, emozzjoni li ġiegħlet lil ħafna nies fl-udjenza jgħidu li ħassewhom imxennqa, megħjuna jew mifhuma.
Rita kienet emozzjonata meta semmiet lil dawk li appoġġjawha fosthom żewġha, it-tfal u l-ħbieb li għamlulha kuraġġ. “Kienet esperjenza li qsamtha ma’ sħabi. Kulħadd għandu xi ħaġa x’joffri,” tgħid. Irringrazzjat ukoll lil Augusto Cardinali li mhux biss baqa’ magħha tul il-proċess kollu, iżda anke daqq magħha waqt il-festival. “Hu qalli li din id-diska għandha kuraġġ. U jien għamilt kuraġġ għax kelli min emmen fija.”
Sadanittant, il-kanzunetta ‘Moħħi Mistrieħ’ kantata minn Mark Tonna bi kliem ta’ Rita Pace u mużika ta’ Andrew Zahra kklassifikat fit-tieni post. ‘Moħħi Mistrieħ’ hija l-istorja ta’ missier ta’ tifla b’diżabbilità mentali li qed iħossu xjaħ u konxju li għad jasal il-waqt li bintu se tispicca mingħajru u għalhekk jinkwieta dwar x’ser jsir minnha.
Fit-tielet post ikklassifikat il-kanzunetta ‘Skuri u Ċari’ interpretata minn Mark Spiteri Lucas u Mark Micallef Costa. Iż-żewġ kantawturi jesprimu lilhom innifishom l-aħjar bil-mużika u b’mod partikolari bil-pjanu. Permezz tiegħu, setgħu jitkellmu dwar l-inżul (iċ-ċari) u t-tlajja (l-iskuri) tal-ħajja.
Cherylis ingħatat il-premju Enzo Gusman għall-interpretazzjoni tagħħa tal-kanzunetta ‘Inħobbok Wisq’ ddedikata lin-nannu tagħha – figura li kellha post speċjali f’ħajjitha u li t-telfa tiegħu ħalliet impatt kbir. Il-kanzunetta kellha kliem ta’ Emil Calleja Bayliss u mużika ta’ Peter Borg, Aleandro Spiteri Monseigneur, Matt ‘Muxu’ Mercieca u Cherylis Camilleri.

Il-premju għat-tema soċjali intrebaħ minn Peppi Azzopardi bil-kanzunetta ‘Għad Għandha Erba’ Snin’ b’ mużika ta’ Priscilla Psaila u interpretata minn Graziella Mifsud Schembri Vella. Il-kanzunetta hija dwar it-tifla Louijin li ħarbet fuq dgħajsa flimkien m’ommha u tilfet ħajjitha waqt it-traġit tagħha.
Daryl Jaymes rebaħ il-premju għall-kantawtur bil-kanzunetta ‘Aħfirli’ – kanzunetta li fiha nisimgħu tfajjel li mid-dell tal-innoċenza, jitlob maħfra lill-ġenituri tiegħu għaliex iħossu piż f’ħajjithom.
Il-kanzunetta ‘Ersaq ‘l Hawn’ rebħet il-premju ġdid mogħti mix-xandara. Il-kanzunetta li hija għanja Mediterranja bejn żewġ maħbubin, kienet interpretata minn Kayley Cuschieri fuq kliem ta’ Joe Julian Farrugia u mużika ta’ Philip Vella.
Il-kumitat organizzattiv ippreżenta l-premju L-Għanja Li Tibqa’ lil Joe Demicoli għall-kontribut tiegħu lejn il-kanzunetta Maltija. Joe interpreta il-kanzunetta tiegħu ‘Meta Għidtlek’ fuq kompożizzjoni ta’ Philip Vella u ‘Il-Maltin’ fuq kliem u mużika tiegħu stess.

L-Għanja tal-Poplu ttella’ nhar is-Sibt li għadda fi Pjazza Teatru Rjal, fejn instemgħu s-16-il kanzunetta finalista akkumpanjati mill-Malta Concert Orchestra. Għad-49 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu kienu ġew sottomessi 124 kanzunetta oriġinali. Fil-finali r-rebbieħa intgħażlu minn ġurija professjonali flimkien ma’ ġurija popolari. Il-ġurija popolari kienet magħmula minn membri tal-pubbliku kif wkoll membri tal-Malta Concert Orchestra.
Il-festival kien ppreżentat minn Debbie Scerri u George Cremona u xxandar dirett fuq TVM. Dan il-festival huwa organizzat mill-għaqda volontarja L-Għanja tal-Poplu bil-kollaborazzjoni ta’ Pjazza Teatru Rjal. L-Għanja tal-Poplu huwa megħjun mill-Kunsill Malti Għall-Arti.