Friday, December 13, 2024

Ritratt tar-Reġina li ttieħed fl-1928 jintuża biex jitfakkar għeluq sninha

Aqra wkoll

Il-familja rjali dalgħodu xerrdet ritratt tar-Reġina Eliżabetta II li ttieħed fl-1928 meta kien għad kellha biss sentejn, sabiex ifakkru għeluq sninha. Propju llum, il-21 t’April, ir-Reġina għalqet 96 sena.

Fir-ritratt, ir-Reġina tidher b’qoffa xagħar innukklat u bi tbissima fuq wiċċha.

Ritratt – The Royal Family

Għadd ta’ membri mill-familja rjali ma qagħdux lura milli jaqsmu ritratti sentimentali f’għeluq snin ir-Reġina. Fosthom kien hemm l-iben il-kbir tar-Reġina, il-Prinċep Charles, li fost erba’ ritratti li qasam fuq il-midja soċjali, tella’ wieħed black & white fejn juri lilu — li kien għadu daqsxejn ta’ tifel — miexi wara ommu.

Ritratt: PA

Kate u William iddeskrivew lir-Reġina bħala “ispirazzjoni għal bosta nies” u f’wieħed mir-ritratti li qasmu fuq il-midja soċjali kien hemm ir-Reġina u l-Prinċep imdawrin b’seba’ neputijiet. Dan ir-ritratt kien ittieħed minn Kate nnifisha.

Ritratt: Kensington Royal

Din hija t-tieni sena li r-Reġina qed tiċċelebra għeluq sninha mingħajr il-preżenza ta’ żewġha, il-Prinċep Philip — Duka ta’ Edinburgh, hekk kif miet fid-9 t’April tas-sena l-oħra — xahrejn qabel m’għalaq il-100 sena.

Normalment, ir-Reġina tiċċelebra dan il-jum b’ċelebrazzjoni uffiċjali li ssir f’Ġunju. Din is-sena hemm stennija kbira għal din iċ-ċelebrazzjoni hekk kif f’dawn l-aħħar sentejn din iċ-ċelebrazzjoni ġiet ikkanċellata minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija. Barra minn hekk, din is-sena r-Reġina se tkun qed tiċċelebra dak li huwa magħruf bħala “Platinum Jubilee”.

Ekonomija

Sport