Maltempata kerha li damet għal seba’ sigħat sħaħ bla waqfien ta’ xejn bħal-lum 19-il sena ilu ħalliet konsegwenzi gravi fuq bosta nħawi tal-gżejjer Maltin. Fortunatament, dik il-maltempata ma ħalliet ebda mwiet ħlief għal ħames persuni li kellhom jiddaħħlu l-isptar San Luqa għall-kura minħabba ġrieħi ħfief li sofrew. Madankollu xi persuni li nqabdu fl-ilmijiet kellhom jiġu salvati mill-membri tal-protezzjoni ċivili.
Kien dakinhar tal-15 ta’ Settembru 2003 li l-maltempata bdiet b’xita kontinwa u sajjetti għal ħabta tal-5.00 ta’ filgħodu u baqgħet nieżla bl-istess qawwa u intensita sa nofsinhar. L-għargħar li kkawżat il-maltempata kien biżżejjed biex ħoloq kaos sħiħ fil-pajjiż b’xeni ta’ karozzi mgħerrqin, vetturi mkaxkra mill-ilmijiet kbar, siġar imqaċċtin, ħitan imwaqggħin u saħansitra soqfa ta’ djar li ġġarfu.
L-effetti tal-għargħar li kkawża tant kienu diżastrużi u devastanti li l-maltempata kienet meqjusa bħala waħda mill-agħar maltempati li ħakmu pajjiżna u li kkawżat eluf kbar ta’ liri fi ħsarat.
L-iktar li ntlaqtu minn dik il-maltempata kienu l-lokalitajiet tal-Marsa, l-Imsida, Ta’ Qali, il-Mosta, Burmarrad, Trq il-Kosta ta’ Baħar iċ-Ċagħaq, Ħal-Qormi u Ħal-Balzan.
Il-maltempata tant kienet qawwija li sa nofsinhar niżlet medja ta’ kważi erba’ pulzieri ta’ xita. L-effett ta’ dan kollu ma kienitx biss il-ħsara materjali imma wkoll ekonomika tant li 60 fil-mija tal-ħaddiema dakinhar ma marrux għax-xogħol.
Il-maltempata kkawżat ukoll dewmien ta’ kważi sagħtejn fit-tluq ta’ diversi titjiriet mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta li b’konsegwenza ta’ dan id-dewmien ġew affettwati wkoll titjiriet oħra.