RITRATTI: ALAN SALIBA
Persuna tilfet ħajjitha wara li kmieni dalgħodu għall-ħabta tal-5:00 a.m ir-residenza tagħha f’Wesgħa Agostino Savelli f’San Ġiljan inħakmet minn nirien.
Fil-post issejħu minnufih il-Pulizija tad-Distrett, dawk tal-iSpecial Intervention Unit u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li marru fil-post u bdew l-operazzjoni tat-tifi tan-nar u dik ta’ salvataġġ minħabba informazzjoni li seta’ kien hemm xi persuni.
Hekk kif ġew kontrollati n-nirien, il-Pulizija daħlu ġewwa u sfortunatament sabu anzjana ta’ 68 sena mejta kawża tal-istess nirien.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.




