Sunday, November 24, 2024

RITRATTI: Il-Grigal joffri xenarju mill-isbaħ

Aqra wkoll

Minkejja li l-ġurnata tal-bieraħ kienet ikkaratterizzata minn ħalbiet tax-xita kontinwi u anke buffuri tar-riħ, il-gżejjer Maltin ma ntlaqtux minn ċiklun kif kien qed jiġi rrappurtat. 

Ir-riħ mill-Grigal offra spettaklu liema bħalu fejn kien jaħkem, bħal Tas-Sliema, il-Mellieħa u l-Belt Valletta. Il-fotografu ta’ dan il-ġurnal ġibed xi ritratti tal-baħar jibla’ l-art f’dawn il-lokalitajiet. 

Sadanittant, l-Uffiċċju Meterjoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta qal li t-temp li qegħdin nesperjenzaw bħalissa qiegħed jirriżulta minn sistema ta’ pressjoni baxxa, jew dipressjoni, li mhix tiċċaqlaq. Din is-sistema żviluppat lejn in-Nofsinhar ta’ Malta u mxiet lejn il-Golf ta’ Sirte.

Għalkemm huwa previst li dan it-tip ta’ temp se jippersisti fil-jiem li ġejjin, m’huwiex mistenni li l-gzejjer Maltin jintlaqtu minn ħalbiet ta’ xita qawwija, bl-Uffiċċju Meterjoloġiku jirrapporta li l-aktar xita qawwija niżlet fil-lejl ta’ bejn il-25 u s-26 ta’ Ottubru.

Minkejja xi rapporti li l-gżejjer Maltin se jiġu affettwati minn medicane, li huwa ċiklun li jixbaħ lil dak tropikali u li jġib miegħu rjieħ b’veloċità medja ekwivalenti jew ogħla minn 54 knots, l-Uffiċċju Meterjoloġiku kkonferma li din id-dipressjoni ta’ arja ma tikkwalifikax bħala ċiklun. 

Minkejja l-irjiħat qawwija f’xi nħawi ta’ Malta li huma esposti għall-elementi, l-Uffiċċju Meteroloġiku mhux mistenni li joħroġ twissijiet ta’ allarm.

Illum il-Ġimgħa, it-temp mistenni jkun pjuttost imsaħħab b’ħalbiet tax-xita iżolati, bi rjieħ pjuttost qawwija sa qawwija mill-Punent Majjistru. 

Sport