Saturday, December 21, 2024

RITRATTI: Is-36 sena mit-traġedja tas-C23

Aqra wkoll

Illum huwa s-36 anniversarju mit-traġedja tal-patrol boat tal-Forzi Armati ta’ Malta C23. Ħames suldati u żewġ pulizija li kienu abbord kienu nqatlu fl-isplużjoni abbord il-patrol boat, meta kienet madwar żewġ mili ’l barra minn Ponta tal-Qala f’Għawdex.

Il-membri tal-ekwipaġġ kienu se jarmu fil-baħar murtali illegali li kienu nstabu fl-inħawi ta’ Ħaż-Żabbar il-jum preċedenti.

Il-vittmi kienu il-Bumbardier Joseph Pace ta’ 36 sena minn Santa Venera, Gunner William Simpson ta’ 36 sena minn Ħal Lija, is-suldat Anthony Vella ta’ 20 sena minn Għajnsielem, il-Bombardier Francis Borg ta’ 36 sena mill-Ħamrun, is-suldat Anthony Farrugia ta’ 27 sena miż-Żejtun, is-Surġent tal-Pulizija Saviour Muscat ta’ 30 sena minn Birkirkara, u l-kuntistabbli Joseph Hare ta’ 24 sena minn Tas-Sliema.

Il-fdalijiet ta’ Borg u Farrugia baqgħu qatt ma nstabu.

L-uniku wieħed li ħelisha mit-traġedja kien is-suldat Emmanuel Montesin, ta’ 21 sena minn Raħal Ġdid., li minkejja li ndarab irnexxielu jdaħħal il-patrol boat fuq bajja f’Kemmuna u jitlob l-għajnuna.

Il-kawża tal-isplużjoni qatt ma kienet ġiet stabbilita għalkemm huwa maħsub li kienet ikkaġunata minn spark ikkawżata minn għeluq ta’ bieba.

Minn dakinhar ’l hawn logħob tan-nar ma baqgħux jinġarru abbord patrol boats.

Is-C23 eventwalment kienet irmunkata għall-Malta Drydocks, fejn kellha l-pruwa tagħha maħduma mill-ġdid, u reġgħet daħlet mill-ġdid fis-servizz magħrufa bħala il-P-23.

Ekonomija

Sport