L-Italja, li l-aktar li ġarrbet il-qilla tal-pandemija tal-coronavirus, rat lil madwar 4.5 miljun persuna jerġgħu lura għax-xogħol tagħhom.
L-għodwa tal-lum irreġistrat żieda fit-traffiku f’diversi żoni madwar il-pajjiż, għalkemm il-midja lokali qed tisħaq li n-numru ta’ vetturi fit-toroq għadhom f’livelli inqas minn dawk li solitament kien ikun hemm qabel bdiet il-pandemija.
Mil-lum il-gvern Taljan ta permess biex il-fabbriki jerġgħu jibdew l-operat tagħhom mill-ġdid, filwaqt li f’diversi siti tal-kostruzzjoni reġgħu dehru l-ħaddiema għall-ewwel darba wara bosta ġimgħat.











Gianluca Martucci, li l-kumpanija tiegħu topera fl-organizzar ta’ avvenimenti u tiġijiet, kien wieħd fost dawk li reġgħu lura għax-xogħol.
“Hija aħbar tajba li nistgħu nerġgħu lura għax-xogħol, iżda d-dinja nbidlet għal kollox,” huw qal f’kummenti lill-midja Taljana. Madankollu huwa wera t-tħassib tiegħu dwar żieda mill-ġdid fil-każi, u anke qal li forsi għadu wisq kmieni biex il-gvern jibda jtaffi l-miżuri ta’ lockdown li daħħal fis-seħħ biex jikkontrolla l-pandemija tal-Covid-19.