Ritratti: ROGER AZZOPARDI
Il-Maġistrat Joseph Mifsud żar is-sit f’Santa Venera fejn Miriam Pace tilfet ħajjitha wara li ġġarrfet parti mid-dar tagħha waqt li kien għaddej xogħol f’sit ta’ kostruzzjoni biswitha.
L-inċident fatali kien seħħ fit-2 ta’ Frar li għadda, għall-ħabta tas-2.20 p.m., fis-sit li jinsab bejn Triq Joseph Abela Scolaro fil-Ħamrun u Triq Antonio Miruzzi f’Santa Venera.
Dwar dan l-inċident għaddejjin proċeduri fil-Qorti erba’ persuni: il-Perit Anthony Mangion ta’ 72 sena mill-Gżira, il-Perit Roderick Camilleri ta’ 36 sena mir-Rabat, il-kuntrattur Ludvic Dimech ta’ 36 sena minn Ħaż-Żebbuġ u l-ħaddiem Nicholas Spiteri ta’ 42 sena mill-Imqabba.
Huma mhux biss qed jiġu akkużati li ikkaġunaw il-mewt ta’ Pace, li kellha 54 sena, imma anke li wettqu ħsara fil-proprjetà tagħha kif ukoll ħsarat fi djar u garaxxijiet li jmissu mas-sit.






