“Bħala pajjiż irnexxielna nagħmlu rivoluzzjoni siekta fil-qasam soċjali. Ir-riżultati jitkellmu waħedhom. Huma prova li ma’ dan il-Gvern taf fejn int u li dak li nwiegħdu, inwettquh”. Qal dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon meta lbieraħ ingħata rendikont tal-kisbiet soċjali bla preċedent li saru mill-2013 sal-lum.
Il-Ministru Falzon qal li nagħmlu kemm nagħmlu suċċess, tkun kuntent fejn wasalt, imma ma trid tinsa qatt minn fejn bdejt. Huwa żied jgħid li r-riżultati li nkisbu ma ġewx waħedhom imma bil-ħidma ta’ dawn kollha li jaħdmu f’dan il-qasam.
Filwaqt li fakkar kif il-Ministeru li tiegħu huwa responsabbli jqarreb it-30% tan-nefqa kollha tal-pajjiż, il-Ministeru Falzon ħabbar li din is-sena, għat-tmien sena konsekuttiva, dan il-Ministeru se jkun wettaq il-miżuri kollha li kellu fis-sena kurrenti tiegħu.
Sadanittant, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Mark Musù ta ħarsa lejn il-kisbiet ewlenin li saru f’dan il-qasam.
Huwa beda biex spjega li l-investiment totali fuq benefiċċji kontributorji u non-kontributorji żdied bi kważi d-doppju f’dawn l-aħħar 12-il sena, minn €814-il miljun fl-2013 għal €1.6 biljun fl-2025.
Bejn l-2013 u l-2025, in-numru ta’ pensjonanti tal-irtirar żdiedu b’38.7% għal 77,986. Mill-2013 sal-lum, il-pensjonanti żdiedu b’€72.40ċ fil-ġimgħa.
In-numru ta’ persuni li kienu jirċievu assistenza soċjali fl-2013 kien dak ta’ 19,209, b’dan l-ammont hu stmat li din is-sena se jkun niżel għal 5,724.
Żidiet addizzjonali
Pensjonanti:
- Fuq il-pensjoni minima ħadu żidiet addizzjonali fl-2016 u fl-2017;
- Imwielda qabel l-1962 bi dħul pensjonabbli li jaqbeż il-capping ħadu żidiet addizzjonali fl-2024 u l-2025;
- Romol ilhom mill-2022 jieħdu żidiet addizzjonali sabiex sal-2027 ikunu qed jieħdu l-pensjoni sħiħa tal-konjuġi;
- Li bdew jieħdu l-pensjoni wara l-2008 qed jieħdu aġġustamenti fil-bonus tal-għoli tal-ħajja;
- Li kienu jħallsu t-taxxa fuq il-pensjoni issa jew m’għadhomx jew naqsitilhom ħafna.
Miżuri addizzjonali
Iddaħħlu għexieren ta’ miżuri oħra li fissru aktar flus fil-but tal-pensjonanti jew anzjani fosthom:
- Benefiċċju Addizzjonali għall-Għoli tal-Ħajja;
- Titjib fl-Allowance Supplimentari;
- Bonus Annwali għal min ma jħallasx 10 snin bolol;
- Titjib fl-għotja tal-anzjani li jagħlqu 75 jew 80 sena;
- Żidiet fil-benefiċċji kollha.
Politika innovattiva msejsa fuq il-prinċipju li bix-xogħol jaqbillek
Bil-għan li jitkattru l-impjiegi u tonqos id-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali 11-il sena ilu tnediet politika msejsa fuq il-prinċipju li bix-xogħol jaqbillek.
Din kienet tiġbor fiha 3 policies:
- Childcare b’xejn fl-2014;
- Skema tat-tapering tal-benefiċċji varata fl-2015;
- L-Inwork Benefit varat ukoll fl-2015.
Impatt soċjali sinifikanti
Fi klima ta’ progress ekonomiku b’saħħtu, din il-politika tat spinta biex:
- Aktar nies tħajru jidħlu fid-dinja tax-xogħol;
- Jonqos il-qgħad;
- Jiżdied l-għadd ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol;
- Titrażżan id-dipendenza fuq il-benefiċċji soċjali;
- Jonqsu l-għadd ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali, jew f’ċaħda materjali.
Il-Kummissjoni Ewropea kienet faħħret din il-politika għall-impatt pożittiv li nkiseb kif ukoll għall-fatt li dan sar mingħajr ma nħoloq piż finanzjarju żejjed fuq il-pajjiż.
L-impatt tal-Iskema tat-Tapering tal-Benefiċċji
Il-benefiċjarji kellhom l-opportunità li waqt li jkunu fl-impjieg jibqgħu jirċievu l-benefiċċji li kienu intitolati għalihom u jitnaqqsulhom b’mod gradwali fuq medda ta’ tliet snin.
Madwar 85% ta’ dawk li kienu fl-iskema baqgħu jaħdmu anke wara li għaddew it-tliet snin tal-iskema. In-nisa jammontaw għal madwar 70% tal-benefiċjarji.
Flimkien mal-programm ta’ childcare b’xejn, il-politika li bix-xogħol jaqbillek ħalliet impatt fuq ir-rata:
- tal-qgħad, li naqas minn 6.1% fl-2013 għal 3.26% fl-2024 u issa konsistentement huwa fl-anqas livelli fl-Unjoni Ewropea;
- ta’ nisa fid-dinja tax-xogħol li bejn l-2013 u l-2024 telgħet bi 30 punti perċentwali għal 77.7% u minn kważi l-anqas fl-UE telgħet għal kważi l-ogħla fl-UE.
Illum il-pajjiż fuq assistenza soċjali f’sena qed jonfoq kważi €40 miljun anqas milli kien jagħmel 12-il sena ilu permezz tat-tnaqqis qawwi fuq id-dipendenza soċjali. Dawn ġew investiti f’benefiċċji u miżuri oħra soċjali li kienu ta’ aktar bżonn.
Intant, b’kollox fi 11-il sena, il-ġenituri eleġibbli għall-in work benefit irċevew bejniethom madwar €88 miljun.
Dan filwaqt li l-investiment fiċ-Children’s Allowance żdied minn €41.7 miljun fl-2013 għal €82.8 miljun.
Ir-rata ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali niżlet minn 24.6% fl-2013 għal 19.7% fl-2025.
Dawk imċaħħda materjalment severament naqsu b’21,000 filwaqt li dawk imċaħħda materjalment naqsu bi 33,000.

