Mill-investigazzjonijiet li saru dwar il-kraxx tal-ajruplan tal-linja tal-ajru tal-Korea t’Isfel, Jeju Air, instab rix tal-għasafar fil-magni, evidenza ta’ attakk ta’ għasafar fuq l-ajruplan tal-passiġġieri li ġġarraf fil-Korea t’Isfel f’Diċembru 2024 u qatel 179 persuna.
Ir-rix u t-tbajja tad-demm fuq iż-żewġ magni tal-ajruplan kienu ta’ tajr Baikal, tip ta’ papri migratorji li jittajru f’qatgħat kbar, skont rapport ta’ investigazzjoni preliminari li kien ippubblikat matul il-jum tat-Tnejn.
L-inkjesta dwar il-ħabta tal-ajruplan – l-aktar inċident fatali fuq l-art fil-Korea t’Isfel – issa se tiffoka fuq ir-rwol tal-attakk tal-għasafar u struttura tal-konkos fit-tarf tar-runway, li magħha ħabat l-ajruplan qabel sploda. Il-magni tal-ajruplan Boeing 737-800 se jiġu żarmati u l-istruttura tal-konkos se tiġi eżaminata aktar.
L-ajruplan ta’ Jeju Air telaq minn Bangkok filgħodu tad-29 ta’ Diċembru 2024 u kien fi triqtu lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Muan fil-Lbiċ tal-pajjiż.
Tliet minuti wara li l-bdoti għamlu kuntatt mal-ajruport, it-torri tal-kontroll avża lill-ekwipaġġ tal-ajruplan biex joqogħdu attenti minn “attività tal-għasafar”. Żewġ minuti wara, il-bdot irrapporta li l-ajruplan kien laqat għasfur.
Il-bdot imbagħad talab permess biex jagħmel inżul ta’ emerġenza mid-direzzjoni opposta, li matulu l-ajruplan niżel fuq żaqqu mingħajr ma niżżel ir-roti ta’ quddiem, bil-konsegwenza li qabeż ir-runway u sploda wara li ħabat mal-istruttura tal-konkos..
L-awtoritajiet qalu li d-data tat-titjira u r-recorders tal-vuċi tal-bdoti mill-cockpit tal-ajruplan waqfu jirreġistraw madwar erba’ minuti qabel ma seħħ id-diżastru.
Ajruporti tal-Korea t’Isfel għandhom sistema ta’ barrieri tal-konkrit fit-tarf tar-runway li tinstab ukoll f’ajruporti oħra fil-pajjiż u anke barra l-pajjiż. Il-ġimgħa li għaddiet, l-awtoritajiet ħabbru li se jirrevedu dawn li-barieri tal-konkos f’seba’ ajruporti madwar il-pajjiż.
Ir-rapport preliminari tl-investigazzjonijiet tat-traġedja ġie sottomess lill-aġenzija tal-avjazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti, Franza u t-Tajlandja.