Friday, December 27, 2024

RIŻOLUZZJONIJIET LI JEĦTIEĠ LI JINŻAMMU

Aqra wkoll

Għadna kif bdejna l-ewwel ġimgħa ta’ sena ġdida. L-ewwel ġranet normalment ikollok ħafna persuni li jibdew iwegħdu lilhom infushom u lil ta’ madwarhom dwar diversi affarijiet li jkunu beħsiebhom jagħmlu din is-sena. Probabbilment l-iktar wegħdiet li nistgħu nqisu bħala komuni huma dawk fejn jidħol tnaqqis fil-piż, is-sigaretti u xi vizzji oħrajn li jkunu x’aktarx rikbuna daqsxejn iktar milli nkunu xtaqna.

Iżda fil-verità kemm minn dawn il-wegħdiet jinżammu. Iva, issib min minn hawn u ftit tax-xhur oħra jikkonferma kemm kien verament żamm sod mad-deċiżjoni li jkun ħa f’dawn iż-żminijiet, iżda oħrajn jibdew it-triq tan-niżla sa mill-għada li jkunu għamlu l-wegħda tagħhom.

X’aktarx waħda mill-akbar riżoluzzjonijiet ta’ din is-sena għandha tkun proprju dik li tkellem dwarha l-Papa Franġisku waqt il-barka tiegħu fl-ewwel jum tas-sena fejn qabbel lil Marija mal-poplu modern. Filwaqt li Marija kienet qiegħda tbati f’kundizzjonijiet daqstant ibsin anke wara li ma sabitx post fejn twelled f’diċenza, ma qagħditx tipprova tilgħabha tal-vittma ladarba waslu dawk li riedu jżuru lil binha. Ma qagħditx tipprova tisraq l-attenzjoni minħabba li kellha twelldu fi stalla tal-annimali, anzi kienet iffukata fuq il-fatt li binha tarbija ma jkun jonqsu xejn minħabba s-sitwazzjoni li hi u Ġużeppi sabu ruħhom fiha. Illum sfortunatament wasalna f’punt fejn minħabba l-influwenza tal-midja soċjali għandek persuni li lesti li jaqbżu ċertu limitu sakemm hemm iċ-ċans li b’dak li jgħidu jiġbdu l-attenzjoni tal-midja fuqhom, anke f’każi fejn nemmnu li dawn għandhom jinżammu iżjed privati.

Lil hinn minn dan il-fatt hemm bżonn li dawk li jmexxuna jżommu mal-ħafna wegħdiet pożittivi li saru mill-gvern f’dawn l-aħħar xhur anke fuq il-manifest elettorali, liema wegħdiet diġà qabdu r-rankatura biex jiġu implimentati. Madanakollu, nemmnu li t-triq lejn id-direzzjoni li qabad dan il-gvern li jara li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura għadha waħda twila u jeħtieġ li kemm il-gvern kif ukoll l-Oppożizzjoni jiġbdu l-istess ħabel biex mhux biss dawk l-aktar vulnerabbli jiġu identifikati, iżda fuq kollox jingħataw l-għajnuna biex isibu saqajhom kemm jista’ jkun malajr.

Iva nemmnu bis-sħiħ li għalkemm hija xi ħaġa tajba li l-gvern qiegħed jirrikonoxxi l-bżonn li jgħin lil dawk l-iktar batuti, hemm bżonn li jikkonvinċi l-Oppożizzjoni, li minkejja li qiegħda tgħid li trid tgħin, s’issa tinsab imfixkla f’kobba mħabbla f’kilba għall-poter u mhix qiegħda tgħin biex il-gvern verament ikun f’pożizzjoni li jgħin lil dawn in-nies.

Ekonomija

Sport