Saturday, November 23, 2024

Riżorsi u tagħlim onlajn

Aqra wkoll

Dak li jissejjaħ internet għandu l-bidu tiegħu fl-Istati Uniti fis-snin sittin u beda propju fis-settur militari u wkoll akkademiku. Kienu s-snin disgħin meta dan il-mezz ħa żvolta ‘l quddiem u ġie aktar kummerċjaliżżat. Dan wassal għall-era moderna li nafu llum, bil-mezzi elettroniċi kollha li għandna f’idejna. U tista’ tgħid li llum-il ġurnata ftit ngħaddu mingħajrhom.

Dan kellu jsir wara li l-COVID-19 wasslet biex minħabba prekawzjonijiet mitluba mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, l-iskejjel kollha madwar id-dinja ingħalqu. Din il-miżura affettwat mal-1.2 biljun student f’186 pajjiż, inkluż ovvja dawk fil-gżejjer Maltin. 

U b’hekk, kważi mad-dinja kollha ngħatat spinta sew lit-tagħlim onlajn. B’hekk l-edukazzjoni ta’ wliedna matul dawn il-ġimgħat ħadet xejra differenti bit-tagħlim isir fuq pjattaformi diġitali.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici qalilna, “L-investiment kbir li sar minn dan il-Gvern fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika, wassal biex il-qasam edukattiv seta’ jaqleb bla ebda xkiel żejjed minn tagħlim tradizzjonali fil-klassijiet għal tagħlim b’dawn il-mezzi, tagħlim onlajn. Minn informazzjoni li għandna, kien hemm rispons tajjeb ferm għal dan il-mezz pjuttost ġdid ta’ tagħlim”.

Tista’ tgħid li kull stitut edukattiv daħal b’impenn kbir, flimkien mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni, għal din il-bidla. Is-sit teleskola.mt tad-dipartiment, beda mall-ewwel joffri servizzi għall-istudenti, ġenituri u wkoll edukaturi u kompla jirfina u jevolvi biex illum huwa sit li jħabbatha sew ma’ siti oħra ofruti minn kulleġġi u universitajiet barranin.

Din il-linja ta’ tagħlim u repertorju ta’ riżorsi edukattivi mxew fuqha wkoll kemm l-Università ta’ Malta u l-MCAST. It-tnejn li huma ħolqu jew saħħew mezzi eżistenti li minnhom ibbenefikaw – u għadhom qed jibbenefikaw l-istudenti u l-edukaturi.

Tajjeb li nfakkru li f’dan kollu ħadd ma tħalla fil-ġenb. Dawk l-istudenti li ġejjin minn familji msejħa vulnerabbli ngħataw mezzi biex ikunu fuq l-istess livell ta’ l-istudenti sħabhom.

Il-mixja lejn aktar repożitorji edukattivi onlajn se tissaħħaħ u titjieb maż-żmien. Il-Ministru Bonnici qalilna li din il-ġimgħa kellu żewġ okkażjonijiet li fihom intweriet l-importanza tat-tisħieħ tal-mezzi diġitali fis-settur edukattiv.

Din il-ġimgħa tnediet il-Fondazzjoni Sagħtar, li fiha diversi proġetti fosthom; pubblikazzjonijiet, taħriġ u attivitajiet b’rabta mal-professjoni edukattiva. Il-portal ta’ Fondazzjoni Sagħtar, saghtar.org.mt, diġà rreġistraw fih u bdew jagħmlu użu minnu ’l fuq minn 1,300 persuna.

“L-interess ta’dan il-Gvern minn dejjem kien li jara x’inhu l-aħjar għall-edukaturi u l-istudenti sabiex dawn jingħataw l-aħjar opportunitajiet biex itejbu ħilithom u l-kapaċitajiet tagħhom. Nixtieq inħeġġeġ iżjed nies jinteressaw ruħhom u jidħlu f’dan is-sit informattiv li m’għandix dubju li diversi edukaturi u studenti se jsibuh utli.” Qalilna l-Ministru Bonnici.

Propju l-Ġimgħa mbgħad, ingħatat informazzjoni dwar e-book b’relazzjoni għall-imxija kurrenti: “COVID-19, The Reason Why the Earth Stood Still”. Dan qed jinkiteb minn Rebecca Caruana, studenta tat-tieni sena tal-mediċina fl-Università ta’ Malta. Ktieb diġitali li fih għaxar kapitli li jitrattaw dwar il-virus u kif jaffettwa saħħet il-bniedem kemm fiżikament kif ukoll mentalment.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni qalilna li, “Huwa inkoraġġanti meta nara studenti jieħdu dan l-interess biex jinħoloq iżjed għarfien fuq il-virus. Aħna bħala Gvern kommessi li nkomplu ntejbu s-sistema edukattiva għall-benefiċċju ta’ uliedna u ulied uliedna. Dan jidher biċ-ċar fil-każ ta’ Rebecca, studenta tat-tieni sena fl-Università ta’ Malta u kienet f’diskussjonijiet u laqgħat ma’ professuri li jgħixu barra minn Malta biex tinġabar informazzjoni fattwali fuq l-imxija tal-virus kurrenti.”

Mal-passaġġ taż-żmien, qed dejjem tikber l-importanza tal-mezzi diġitali fis-setturi kollha li minnhom tibbenefika l-komunità Maltija, inkluż is-settur edukattiv.

Żgur li b’dawn l-iżviluppi l-istudenti tal-lum u ta’ għada u wkoll l-edukaturi, se jkunu qed jipparteċipaw f’dinja edukattiva differenti minn dik li nafu u li se twassalhom biex ikollhom vjaġġ edukattiv bil-wisq aktar interessanti u eċċitanti.

Sport