Thursday, December 26, 2024

Riżultat li ma kienx mistenni f’referendum għal sħubija tal-Moldova fl-UE 

Aqra wkoll

Ir-riżultat tar-referendum fil-Moldova dwar jekk il-pajjiż għandux jibdel il-kostituzzjoni tiegħu u jimpenja ruħu li jissieħeb fl-Unjoni Ewropea huwa wisq qrib biex ikun konkluż bir-riżultati uffiċjali juru l-voti Iva u Le huma ras imb’ras. Skont data uffiċjali il-vot Iva kiseb 50.08% u l-vot Le  49.92%, b’aktar minn 98% tal-voti magħduda. Huwa riżultat li ftit kienu qed jistennew, hekk kif diversi stħarriġ riċenti qalu li l-vot Iva se jirbaħ bil-kumdità.

Il-president tal-pajjiż, Maia Sandu, iddenunzjat ir-riżultat tar-referendum bħala prodott ta’ indħil barrani fil-politika tal-Moldova u sostniet li kien “attakk bla preċedent fuq id-demokrazija”, b’referenza għal allegazzjonijiet mifruxa li r-Russja ħallset lin-nies biex jivvutaw b’ċertu mod, allegazzjoni li Moska qed tiċħad.

Minbarra r-referendum dwar il-bidla fil-kostituzzjoni, nhar il-Ħaadd il-poplu vvota ukoll fl-elezzjoni presidenzjali tal-pajjiż. Il-voti tqiesu bħala testijiet ewlenin għall-pajjiż, li qed jiffaċċja għażla bejn li jkompli jistinka biex jissieħeb fl-UE jew li jżomm rabtiet mill-qrib mar-Russja.

Maia Sandu rebħet l-ewwel rawnd tal-elezzjoni presidenzjali iżda b’marġni ferm inqas milli mistenni – 41% tal-voti – u għalhekk issa se tiffaċċja t-tieni rawnd diffiċli fil-bidu ta’ Novembru li fih l-avversarji tagħha x’aktarx se jingħaqdu kontriha.

Hija akkużat gruppi kriminali li jaħdmu flimkien ma’ forzi barranin li jużaw flus, gideb, u propaganda falza biex jirbħu l-vot tan-nies. Qalet ukoll li l-gvern tagħha kellu evidenza ċara li nxtraw mat-300,000 vot, li hi sejħet frodi ta’ skala bla preċedent.

Il-Moldova bħalissa tinsab f’negozjati mal-UE biex issir membru tal-Unjoni. Dawn it-taħdidiet ta’ adeżjoni se jkomplu minkejja l-eżitu tal-votazzjoni tal-Ħadd, peress li r-referendum ma kienx jorbot legalment.

Minħabba li ma rnexxilhiex tirbaħ aktar minn nofs il-voti, Sandu u l-kandidat li ġie warajha, Aleksandr Stoianoglo, li huwa appoġġjat mill-Partit tas-Soċjalisti favur ir-Russja, se jmorru għal rawnd ieħor fit-3 ta’ Novembru. Stoianoglo rebaħ 27%, riżultat li kien konsiderevolment ogħla milli mistenni. It-tielet ġie l-populista Renato Usatii, segwit mill-eks gvernatur tal-Gagauzia Irina Vlah.

Maia Sandu li kkultivat rabtiet mill-qrib mal-ġirien tal-Moldova imsieħba fl-UE, għamlet kampanja għall-vot Iva fir-referendum. Preċedentement kienet qalet li l-vot kien se jistabbilixxi l-futur tal-Moldova għal “ħafna deċennji ‘l quddiem”.

Iżda, meta bdew deħlin l-ewwel riżultati u juru li l-vot Le kien mar aħjar milli mistenni, il-kampanja ta’ Sandu qieset ir-riżultati bħala diżappuntanti għall-ewwel għadd li daħal mill-irħula u ż-żoni rurali. L-għadd tal-bliet il-kbar naqqas il-vantaġġ għall-vot Le, iżda ftit ħasbu li l-kamp tal-Iva xorta jista ‘jkollhom ċans.

Ħafna mill-partitarji ta’ Sandu telqu mill-kwartieri ġenerali tagħha f’Chisinau fejn kienu qed jittamaw li jiċċelebraw ir-rebħa tagħha qabel ma jintemm l-għadd. Il-bnadar ċkejkna tal-UE li kienu ngħataw biex jixxejru ġew abbandunati, fuq siġġijiet jew mifruxa mal-art. Il-parteċipazzjoni tal-votanti kienet ta’ aktar minn 51% meta l-votazzjoni għalqu fid-9.00 ta’ filgħaxija ħin lokali.

Diversi kandidati presidenzjali bojkottjaw ir-referendum. Aleksandr Stoianoglo qal li ma jappoġġjax l-idea li tinbidel il-kostituzzjoni għalkemm żied jgħid li kien sostenitur tal-aspirazzjonijiet Ewropej ta’ pajjiżu.

Ħafna żgħażagħ li kienu fil-kju biex jivvutaw qalu li kienu favur l-Ewropa għax imbeżżgħin li pajjiżhom jerġa jiġi mbuttat lejn Moska, għexieren ta’ snin wara li l-Unjoni Sovjetika sfaxxat u l-Moldova saret indipendenti.

Ilan Shor, negozjant maħrub qed jiġi akkużat li daħħal ammonti kbar ta’ flus kontanti lejn il-pajjiż mir-Russja u offra flus biex jikkonvinċi kemm jista’ jkun nies ma jivvutawx għal Sandu u jivvutaw Le jew jastjenu fir-referendum.

Ekonomija

Sport